Il-Ministeru għall-Ġustizzja ħabbar li se ssir żieda fil-Ġudikatura permezz ta’ żewġ Imħallfin u żewġ Maġistrati ġodda. L-għan ta’ din iż-żieda hi li tkompli tiżdied l-effiċjenza tal-Qorti u tissaħħaħ il-Ġudikatura.
Dan wara li f’diskors li għamel waqt il-ftuħ tas-Sena Forensi, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti saħaq fuq il-bżonn li jiżdiedu żewġ Imħallfin u żewġ Maġistrati oħra bil-għan li titnaqqas il-backlog ta’ kawżi li għadhom pendenti u kif ukoll biex tissaħħaħ is-sezzjoni tal-Maġistratura partikolarment fil-kawżi tal-vjolenza domestika.
Għaldaqstant fil-jiem li ġejjin se jiskatta l-proċess għall-ftuħ ta’ nomini u sussegwentement l-għażla tal-erba’ membri tal-ġudikatura ġodda. Ta’ min ifakkar li l-għażla se ssir permezz ta’ mekkaniżmu indipendenti li implimenta Gvern Laburista bħala waħda minn diversi riformi b’saħħithom fil-qasam tal-ġustizzja.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard tenna li, “Bħala Gvern aħna kommessi li noffru l-għoddod kollha possibbli biex inkomplu nassiguraw li l-ġustizzja ssir, tidher li qed issir u ssir fi żmien raġjonevoli. Dan l-impenn diġà huwa rifless f’rapporti minn aġenziji barranin, iżda mhux se nieqfu hawn. Fiż-żmien li ġej se nkomplu nimplimentaw riformi sinifikanti fil-proċess legali ta’ pajjiżna, fosthom fil-kamp kriminali.”
Din iż-żieda tikkumplimenta l-impenn elettorali li llum huwa l-pjan ta’ ħidma tal-Gvern, kif ukoll l-aħħar stħarriġ li sar mill-Eurobarometer tal-Unjoni Ewropea li stabilixxa li l-fiduċja fil-ġustizzja f’Malta żdiedet b’15% mill-istħarriġ preċedenti. Dan hu riżultat ta’ ħidma kontinwa li qed issir biex intejbu s-servizz u l-proċess ġudizzjarju kemm minn aspett leġislattiv, amministrattiv u anke infrastrutturali.