Friday, February 3, 2023

Il-Parroċċa ta’ Fleur-De-Lys tgħaddi f’idejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta

Aqra wkoll

L-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Provinċja Maltija tal-Ordni tal-Aħwa tal-Karmelu temmew il-proċess li bih l-Provinċja Karmelitana qed tgħaddi l-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu fi Fleur-de-Lys u l-kumpless anness magħha lill-Arċidjoċesi ta’ Malta għall-użu pastorali tal-istess parroċċa.

Mit-Tnejn 9 ta’ Jannar 2023, il-kura pastorali tal-poplu t’Alla miġbur fil-parroċċa ta’ Fleur-de-Lys ser taqa’ taħt ir-responsabiltà diretta tal-Kleru djoċesan. L-Arċisqof Charles Scicluna qed jaħtar lil Dun Darren Pace bħala amministratur parrokkjali ta’ din il-parroċċa. Il-parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu tiġbor fiha madwar 2,600 persuna.

Dun Darren Pace

Monsinjur Arċisqof irringrazzja lill-Ordni Karmelitan għal tant snin ta’ ħidma pastorali f’din il-parroċċa.

Dun Darren Pace twieled fil-11 ta’ April 1980. Hu rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja tal-Mosta u s-Seminarju Minuri. Temm l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta u ġie ordnat saċerdot fit-30 ta’ Ġunju 2006.

Hu serva f’diversi parroċċi fosthom l-Immakulata Kunċizzjoni l-Ħamrun, l-Imsida, Bormla, Ħal Għargħur u l-Gżira. Dun Darren hu terzjarju profess fl-Ordni Karmelitan u hu assistent direttur spiritwali ta’ diversi fergħat tat-Terz Ordni Karmelitan.

Intant fi stqarrija tħabbar ukoll li l-L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Claude Portelli bħala Delegat għall-Kultura, bir-responsabbiltà wkoll tar-riġenerazzjoni tal-Istitut Kattoliku, fil-Furjana.

Id-Delegat għall-Kultura għandu l-missjoni li joħloq djalogu bejn il-Knisja f’Malta u l-qasam tal-kultura.

Delicious

Sport