Stħarriġ li ġie ppubblika mill-Prof. Vincent Marmarà, wera li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada il-Partit Laburista jirbaħ bi 12,000 vot.
Marmarà fl-istħarriġ tiegħu jgħid li 20.0% ma jridux jivvotaw u dan juri li f’każ ta’ elezzjoni ġenerali għada hemm numru sostanzjali mill-elettorat li qed jgħid li huwa indeċiż jew li mhux ser jivvota fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
“L-istħarriġ qed juri li l-Partit Laburista għadu fuq quddiem f’dik li hija fiduċja fost l-elettorat, l-ebda partit politiku m’għandu l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta, jew aħjar tal-50% + 1 tal-voti. Minkejja dan, ir-riżultati mhux juru li hemm shifts kbar bejn il-partiti ewlenin, b’ħafna jidhru li qegħdin fuq pont josservaw mill-bogħod dak li qed iseħħ u ser jiddeċiedu aktar ’il quddiem x’ser jagħmlu verament bil-vot tagħhom,” jikteb Marmarà.
Meta imbgħad tkellem dwar il-fiduċja fil-mexxejja mill-istħarriġ joħroġ li l-mexxej Laburista Robert Abela huwa fdat 12.0% iżjed minn Bernard Grech.
“Għal mistoqsija ‘Liema mexxej politiku tippreferi li jkun Prim Ministru ta’ Malta?’ 36.0% tal-elettorat jagħżel lil Robert Abela, 24.0% wieġbu Bernard Grech. Fl-istess waqt 15.4% wieġbu li ma jafdaw lil ħadd, 7.9% wieġbu ma jafux u 16.6% qalu li jafdaw mexxejja oħra,” jikteb Prof Marmarà.
Intant, fil-ħarġa ta’ għada tat-Troċa se jkun hemm analiżi ta’ dan l-istħarriġ.