Il-Partit Laburista jsir is-sid tal-proprjetà ta’ taħt ir-Rialto, eks fergħa tal-HSBC. Dan tħabbar mill-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph Debattista fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, fejn ġie irrimarkat li għall-ewwel darba fl-istorja tal-Partit Laburista, issa l-binja kollha tar-Rialto hija proprjetà tal-Partit Laburista.
Fl-istess messaġġ, Debattista irrimarka li dak li beda bejn żewġ persuni jew tliet min-nies, fis-skiet fl-2019, illum, fl-aħħar, wara perseveranza kbira, dan wassal għar-riżultat.
Huwa rringrazzja lil kull min ġie qablu fl-1983, li kellhom il-viżjoni li jixtru dan it-teatru, ġawhra nazzjonali. Spjega kif dak iż-żmien kienu xtaqu, imma ma setgħux, li jixtru l-parti t’isfel.
Qal ukoll; “Illum li kkonsolidajna l-binja, nistgħu nimxu għall-fażi li jmiss, li titħabbar dalwaqt, biex dan it-teatru jkun jista’ jitgawda iktar mill-komunità Bormliża, mill-artisti u minn kulħadd”.
Huwa rringrazzja lil kull min kien involut f’dan il-proċess twil, speċjalment lil sħabu tal-Amministrazzjoni u lill-Kummissjoni Proprjetà. Temm jgħid; “Kburi li bnejna fuq ta’ qabilna, u se nħallu lil ta’ warajna xi ħaġa aħjar u iktar b’saħħitha.”.