Sunday, December 22, 2024

“Il-Partit Laburista se jibqa’ jimbotta l-bidla b’kuraġġ”

Tinfetaħ esebizzjoni storika li tefgħet dawl ġdid fuq il-bidu tal-PL

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista se jibqa’ jkollu l-kuraġġ li ta’ kuljum jippromwovi l-bidla u r-riformi. Tkellem dwar dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, meta kien qed jiftaħ esebizzjoni storika li tefgħet dawl ġdid fuq il-bidu tal-Partit Laburista.

“Ma tistax tbiddel jekk ma jkollokx il-kuraġġ taffronta dak kollu li jiġi għal wiċċek. Jista’ jkollok rieda kemm trid imma jekk jonqsok il-kuraġġ m’int se tbiddel xejn u se tibqa’ biss toħlom, tibqa’ tixtieq biss li tbiddel. Għalhekk ukoll il-kuraġġ li wrew ta’ qabilna rridu nibqgħu nuruh illum, ta’ kuljum fid-deċiżjonijiet li jittieħdu,” qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru fisser kif l-attivisti Laburisti ta’ kull żmien dejjem wrew dan il-kuraġġ.

“L-iktar ħaġa faċli li tkun konservattiv għax triqtek tkun li jibqa’ kollox kif inhu u anki jekk tbiddel se tbiddel biex tippriserva l-istatus quo.  Il-Partit Laburista twieled biex ibiddel radiklament allura t-triq ta’ quddiemu ma kienetx faċli. Kull min daħal jaħdem, jimmilita fil-Partit Laburista mhux biss fil-bidu imma matul l-istorja kollha tieghu daq triq iebsa u matulha ħafna batew bil-kbir. Il-Partit Laburista mibni fuq in-nies u jaħdem ħa jtejjeb il-qagħda tan-nies,” saħaq il-Prim Ministru.

Robert Abela spjega kif it-tibdil jsir mhux biex ikun sar imma biex is-soċjeta timxi ‘l quddiem f’daqqa u ma tħallix min jaqa’ lura.  Fakkar kif fil-prinċipji tiegħu l-Partit Laburista għandu ddikjarat b’mod ċar li s-suċċess tas-soċjeta jitkejjel mill-qagħda tal-inqas fost il-membri tagħha. “Sal-lum dan il-prinċipju għadna nħadmuh ta’ kuljum. Hekk kif kontintwament nagħżlu t-triq li tinvesti fin-nies, li twieżen lin-nies li tgħin li ż-żgħir u li saħħaħ il-middle class li ħloqna tul iż-żmien,” qal il-Prim Ministru.

Fil-fatt, qal il-Prim Ministru, l-isfida kontinwa ta’ dal-Partit hija li jagħraf li bil-ħidma tiegħu li jgħolli ‘l fuq lil min jaqa’ lura ikun irid jiġġedded kontinwament. “Meta n-nies tavvanza jinbidlu l-prijoritajiet tagħha u Partit irid ikun fuq quddiem biex iwieġeb għal dawk l-aspirazzjonijiet u joffri tmexxija li permezz tagħha s-soċjetà kollha kemm hi tibqa’ miexja ‘l quddiem f’kull qasam tagħha,” qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru sellem lill-attivisti kollha tal-Partit Laburista u rringrazja wkoll lill-volontiera u membri tal-fondazzjoni għall-arkivji notarili għall-kontribut tagħhom biex tkun priservata sejba storika ġdida dwar il-Partit Laburista. Sejba li wriet li fost dawk li kkontribwixxew għall-bidu tal-Partit Laburista fi snin għoxrin kien hemm ukoll mara u kif l-ewwel isem maħsub għall-Partit Laburista, filfatt ma kienx Camera Del Lavoro kif sal-lum maħsub imma Partit Laburista.

Ekonomija

Sport