Sunday, November 24, 2024

Il-PM jinawgura dar fil-komunità għall-persuni b’diżabilità mill-Fondazzjoni Nazareth

Aqra wkoll

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ Dar San Franġisk, dar fil-komunità fiż-Żejtun għall-persuni b’diżabilità, amministrata mill-Fondazzjoni Nazareth, il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss tkellem dwar l-importanza li kulħadd ħaqqu jgħix ħajja ta’ kwalità u b’mod dinjituż iżda saħaq dwar l-appoġġ lejn il-volontarjat, aspett b’saħħtu ħafna f’din il-fondazzjoni.

Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jappoġġja u jinċentiva għaqdiet volontarji fil-ħidma imprezzabbli li jwettqu. Apparti li semma ftehimiet li jsiru bejn il-Gvern u l-għaqdiet volontarji, fosthom ieħor li għadu kif beda għal tliet snin bejn il-Gvern u l-Fondazzjoni Nazareth biex din tibqa’ tiġi mgħejuna fil-ħidma soċjali importanti li twettaq, Dr Abela qal li l-Gvern irid jibqa’ jinċentiva l-volontarjat b’modi oħrajn ukoll.

F’dan il-kuntest tkellem dwar bidla li qed iġib il-Gvern għas-settur tal-volontarjat biex dan jissaħħaħ u fuq din ir-riforma saret konsultazzjoni pubblika fejn bħalissa qed jiġu analizzati mat-300 proposta mressqa.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan is-settur huwa sieħeb strateġiku fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna u l-Gvern irid joffri l-appoġġ lejn il-volontarjat b’aktar simplifikazzjoni ta’ proċessi u inqas burokrazija. Innota kif dawn il-ħsibijiet jikkondividu ma’ proposti mressqa minn stakeholders fis-settur.

Il-Prim Ministru rrimarka għax-xogħol kbir li twettaq il-Fondazzjoni Nazareth li tmexxi erbat idjar għall-persuni b’diżabilità fil-komunità fejn tgħin ukoll fl-indipendenza ta’ dawn il-persuni fil-ħajja ta’ kuljum.

“Dar San Franġisk hi eżempju ħaj ta’ kif ħidma tal-voluntiera flimkien ma’ dik tal-professjonisti twassal għal titjib soċjali ta’ persuni differenti,” qal il-Prim Ministru Robert Abela hu u wkoll jirreferi għal laqgħa li kellu mal-ħaddiema u persuni li jgawdu mill-ġid kbir li twettaq il-Fondazzjoni Nazareth imwaqqfa minn Dun Anġ Seychell u llum il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca tmexxi l-bord tal-istess fondazzjoni.

Waqt l-inawgurazzjoni tkellmet ukoll il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli fejn saħqet kif dan il-proġett jirrifletti l-impenn sod tal-Gvern li jkompli jappoġġja s-settur volontarju, li huwa l-qalb u r-ruħ tal-komunità tagħna.

“Is-sħubija tagħna mal-Fondazzjoni Nazareth, imsaħħa bi ftehimiet li jaqbżu t-€2.5 miljun, tenfasizza x-xogħol kbir li qed isir biex ngħollu u nieħdu ħsieb iċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli tagħna. Din ir-residenza l-ġdida hija xhieda tal-isforzi kollettivi tagħna biex inrawmu soċjetà ta’ kompassjoni u inklużiva fejn kulħadd ikun apprezzat u appoġġjat,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Sport