Mhuwiex minnu li l-Gvern biddel il-pożizzjoni tiegħu minn dak li wiegħed lir-residenti taż-Żurrieq f’Mejju tas-sena l-oħra dwar l-art pubblika fiż-Żurrieq magħrufa bħala tal-Bebbux. Il-Gvern kien stqarr li l-art li hija tiegħu f’dawk l-inħawi ser tibqa’ art pubblika u jsir żvilupp fiha biss jekk kemm il-darba jkun hemm il-ħtieġa ta’ xi proġett għall-komunità taż-Żurrieq u dan irid isir bi ftehim mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq.
Fi stqarrija uffiċjali l-Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali reġa’ fakkar li quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar kien hemm l-applikazzjoni PC68/22 li saret biex ikunu stabbiliti t-toroq, l-użu u l-għoli tal-bini fiż-żona wara li din l-art iddaħħlet fiż-żona ta’ żvilupp permezz tat-tibdil li sar fil-Pjan Lokali tal-inħawi bil-Liġi tar-Razzjonalizzazzjoni taż-żoni tal-iżvilupp li saret lura fl-2006.
Iżda f’Mejju tas-sena l-oħra, il-Gvern intervjena u ddikjara li l-parti minn din l-art li hija Pubblika ser tibqa’ tal-Gvern u li mhux ser tinbiegħ għal skop ta’ żvilupp. Din il-pożizzjoni kienet ittieħdet wara li ġiet meqjusa s-sottomissjoni magħmula mill-Kunsill Lokali fil-proċess ta’ din l-applikazzjoni.
Fid-dawl ta’ dan il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi kien wassal din id-direzzjoni tal-Gvern lill-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tal-Ippjanar u fil-fatt il-PC application ġiet emendata f’Diċembru li għadda biex tirrifletti din id-direzzjoni.
Mill-PC application kif emendata joħroġ ċar li kif kien ġie mwiegħed is-sena l-oħra, mhu se jsir l-ebda żvilupp fuq l-art tal-Gvern. Il-Gvern għandu qbil mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li jekk ikun hemm il-ħtieġa ta’ xi proġett li minnu tkun se tgawdi l-komunità taż-Żurrieq dan irid isir b’konsultazzjoni sħiħa mal-istess Kunsill. Il-PC application kif emendata tipprovdi wkoll li 750 metru kwadru minn din l-art trid tinżamm bħala spazju miftuħ għat-tgawdija tal-komunità taż-Żurrieq.
Il-Gvern itenni li se jibqa’ kommess li fejn l-art fiż-Zona tal-Bebbux hija art tal-Gvern, din se jsir l-aħjar użu minnha fl-aqwa interess tal-komunità Żurriqija.