Sunday, December 22, 2024

Il-President jirringrazzja lill-ħaddiema barranin għall-kontribut tagħhom fit-tkabbir ekonomiku ta’ Malta

Aqra wkoll

Waqt żjara lil J.M. Vassallo Vibro Blocks Ltd, il-fornitur ewlieni ta’ azzar tal-infurzar u elementi strutturali, il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lill-ħaddiema barranin kollha, li għamlu lil Malta d-dar addottiva tagħhom, għall-kontribut li jagħmlu għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna permezz tal-bżulija u l-impenn tagħhom għax-xogħol. Huwa esprima t-tama tiegħu li lkoll iħossuhom apprezzati u milqugħa f’Malta.

Wara dawra mal-kumpless f’Ħaż-Żebbuġ, il-President esprima l-pjaċir tiegħu li jara l-livell ta’ attenzjoni u l-istandards li l-kumpanija u l-impjegati jiddedikaw għax-xogħol tagħhom. “Meta wieħed jara l-mod kif żviluppat din l-impriża minn meta bdiet fl-1969, wieħed japprezza ferm l-isforzi li saru tul is-snin biex illum titqies bħala operatur ewlieni f’din l-industrija,” qal il-President. “Dan jinvolvi investiment kontinwu fit-tagħmir, fit-tekniki, u fir-riżorsi umani. L-attenzjoni għal standards u kwalità għolja tagħti vantaġġ lil kwalunkwe impriża fuq oħrajn. Inħeġġeġ lid-diretturi jżommu dan il-pass kompetittiv billi jdaħħlu ideat ġodda fl-assi tanġibbli u umani tal-kumpanija biex jiżguraw li l-prodott finali jkun sodisfaċenti u, fuq kollox, sigur.”

Il-President enfasizza wkoll il-ħtieġa li titħares is-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom, u biex jiġi żgurat li l-istandards kollha tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jiġu osservati f’kull ħin. F’dan il-kuntest, enfasizza wkoll l-apprezzament tiegħu għall-ħiliet tekniċi u vokazzjonali tal-ħaddiema. “L-għarfien u l-esperjenza tagħkom għandhom post u valur fis-soċjetà tagħna, li fil-fehma tiegħi ma ġewx apprezzati biżżejjed tul is-snin. Il-komunità teħtieġ il-ħiliet tagħkom fix-xogħol, daqskemm teħtieġ l-għarfien professjonali tat-tabib, tad-direttur, tal-għalliem, eċċ.”. Żied jgħid li huwa jħeġġeġ bil-qawwa ż-żieda ta’ dan it-tip ta’ prattika u taħriġ vokazzjonali bħala l-bażi ta’ ekonomija diversifikata u li taħdem sewwa, u ħeġġeġ lill-ħaddiema kollha jibqgħu jitgħallmu u jipperfezzjonaw il-ħiliet tagħhom.

Iċ-Chairperson tal-kumpanija, Raymond Vassallo, irringrazzja lill-President għaż-żjara tiegħu. Spjega kif il-kumpanija investiet f’makkinarju tal-aħħar teknoloġija biex tkun dejjem iżjed effiċjenti, tiggarantixxi l-kwalità tal-prodott, u tħares is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol waqt li taħli inqas enerġija u tnaqqas l-iskart b’mod drastiku. Inbena laboratorju intern sabiex tiċċertifika l-materjal biex jiġi żgurat li l-prodotti jissodisfaw in-normi u l-istandards mitluba mill-klijenti. Sar investiment ukoll f’enerġija rinnovabbli, fejn ġew installati pannelli solari li jipproduċu l-enerġija kollha meħtieġa mill-kumpless. Filwaqt li saħaq li impriża trid tibqa’ tinvesti u tadatta ruħha sabiex tibqa’ kompetittiva, is-Sur Vassallo qal li l-pandemija affettwat lill-kumpanija b’tali mod li ma tistax topera bl-aħjar effiċjenza kif mixtieq.

Il-President ħa l-opportunità biex jirringrazzja lid-Diretturi ta’ J.M. Vassallo Vibro Blocks Ltd għall-appoġġ ġeneruż ħafna li dejjem jagħtu lill-Community Chest Fund.

Ekonomija

Sport