Il-President ta’ Malta se tiltaqa’ mal-pazjenti Maltin li jinsabu għall-kura fir-Renju Unit

Aqra wkoll

L-Erbgħa filgħodu, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono ħalliet Malta għal żjara uffiċjali fir-Renju Unit.

Fil-qofol tal-impenji tagħha, il-President ta’ Malta se tiltaqa’ mal-pazjenti Maltin li qed jirċievu l-kura fi sptarijiet f’Londra, kif ukoll il-qraba tagħhom li qed jakkumpanjawhom matul dan il-vjaġġ diffiċli.

Fi tlett ijiem, l-Eċċellenza Tagħha se jkollha diversi impenji, fosthom żjarat l-isptarijiet Great Ormond Street Hospital for Children u r-Royal Marsden Hospital Sutton, li lkoll qed jospitaw pazjenti Maltin.

Il-President ta’ Malta se żżur ukoll lis-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù kif ukoll l-appartamenti ta’ Puttinu Cares f’Sutton; żewġ entitajiet li flimkien mal-Malta Community Chest Fund jassistu lill-pazjenti Maltin u qrabathom waqt li jkunu fir-Renju Unit.

Għal dawn iż-żjarat, il-President ta’ Malta se tkun akkumpanjata mill-Ministru tas-Saħħa, Ian Borg, kif ukoll uffiċjali tal-Malta Community Chest Fund.

L-Erbgħa filgħaxija, l-Eċċellenza Tagħha se tkun preżenti għal attività organizzata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fil-binja storika ta’ Cutlers Hall, f’Warwick Lane fejn se tindirizza lil dawk preżenti. L-attività tiġbor flimkien lil uħud mill-aktar imsieħba importanti tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li joperaw fir-Renju Unit, kif ukoll operaturi Maltin li qed jipparteċipaw fil-World Travel Market, waħda mill-akbar u l-aktar wirjiet turistiċi importanti fid-dinja li għaddejja fl-istess żmien f’Londra.

L-Eċċellenza Tagħha mistennija tirritorna Malta fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt. Sakemm il-President ta’ Malta tkun barra mill-pajjiż, Dr Helena Dalli se sservi bħala Aġent President.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport