Il-Prim Ministru Robert Abela jisħaq fuq tkabbir ekonomiku inklużiv waqt il-Concordia Summit fi New York

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela kompla bl-impenji tiegħu fi New York fl-isfond tal-81 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn indirizza l-Concordia Annual Summit u ħa sehem ukoll f’laqgħa ta’ livell għoli dwar id-drittijiet tat-tfal fl-era tal-intelliġenza artifiċjali.

Waqt il-Concordia Annual Summit, il-Prim Ministru sostna li t-tkabbir ekonomiku għandu jitkejjel mhux biss miċ-ċifri, iżda mill-opportunitajiet li joħloq fil-ħajja tan-nies.

F’diskors dwar l-ekonomija globali u l-kummerċ, huwa qal li, għal pajjiż gżira bħal Malta, il-kummerċ mhuwiex sempliċiment kunċett ekonomiku, iżda kundizzjoni essenzjali għall-prosperità. Huwa permezz tiegħu li jaslu l-prodotti, is-servizzi jaqsmu l-fruntieri, jiċċirkolaw l-ideat, jasal l-investiment u jinħolqu opportunitajiet.

Il-Prim Ministru osserva li l-ekonomija globali tinsab f’mument ta’ trasformazzjoni, hekk kif qed jinbidlu r-rotot kummerċjali u l-ktajjen tal-provvista, filwaqt li t-teknoloġija u l-pressjonijiet klimatiċi qed ibiddlu l-mod kif joperaw in-negozji u jippjanaw il-gvernijiet.

F’dan il-kuntest, saħaq li għandhom jinbnew ktajjen tal-provvista li jifilħu għax-xokkijiet li jistgħu jiddominaw. Huwa rrefera wkoll għal Malta Vision 2050, li għandha tiżgura li t-tkabbir ekonomiku jissarraf f’opportunitajiet aħjar, impjiegi ta’ kwalità, ħiliet aktar b’saħħithom, komunitajiet sostenibbli u ekonomija aktar kompetittiva.

Dwar l-intelliġenza artifiċjali u l-kummerċ diġitali, il-Prim Ministru qal li dawn joffru lill-ekonomiji żgħar opportunitajiet ġodda biex jilħqu s-swieq globali permezz tat-talent, l-aġilità u l-ideat. Madankollu, il-progress teknoloġiku għandu jwessa’ l-opportunitajiet u mhux ikabbar l-inugwaljanzi.

Dan il-messaġġ kompla jiġi żviluppat waqt laqgħa ta’ livell għoli fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, imsejħa minn Franza, Spanja u l-Kenja, dwar il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal fl-era tal-intelliġenza artifiċjali, u li attenda għaliha l-Prim Ministru.

Hawn ġie diskuss li l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali għandu jibqa’ ċċentrat fuq il-bniedem, jirrispetta d-drittijiet fundamentali u jkun sigur u affidabbli.

Dr Abela attenda wkoll għal-laqgħa “The Road Ahead: One Year After the New York Declaration and the Comprehensive 20-point Peace Plan”, fejn ġiet diskussa b’mod ewlieni s-sitwazzjoni serja fil-Lvant Nofsani. Hawnhekk, il-Prim Ministru tenna li Malta ilha konsistentement tappoġġja s-soluzzjoni ta’ żewġ Stati bħala t-triq lejn paċi dejjiema fir-reġjun. Pożizzjoni li l-Prim Ministru spjega li llum qed tikseb appoġġ dejjem akbar, inkluż minn mexxejja ta’ pajjiżi ewlenin.

Matul il-ġurnata, il-Prim Ministru kien preżenti wkoll għall-ftuħ tad-Dibattitu Ġenerali tal-81 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Dr. Ian Borg u mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Mr. Chris Fearne 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport