Wednesday, December 25, 2024

Il-qgħad ikompli jonqos

Aqra wkoll

It-tkabbir ekonomiku kontinwu li qed jikseb pajjiżna qed ikun rifless pożittivament ukoll fil-qasam tal-impjiegi tant li dan kompla għaddej b’ritmu pożittiv mgħaġġel fejn l-għadd ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol f’Ġunju li għadda kien kien taħt l-elf. 

Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-għadd ta’ persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol f’Ġunju li għadda kien 954. Dawn iċ-ċifri juru wkoll li qgħad naqas b’757 meta mqabbel ma’ l-istess xahar tas-sena l-oħra.

Tagħrif pprovdut minn Jobsplus għal Ġunju 2022 jindika tnaqqis minn sena għal sena ta’ 725 persuna li jirreġistraw taħt il-Parti I, u tnaqqis addizzjonali ta’ 32 persuna li jirreġistraw taħt il-Parti II tar-reġistru tal-qgħad. Il-livelli reġistrati tal-qgħad naqsu fil-gruppi ta’ età kollha kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. 

L-irġiel kienu jammontaw għal 72.3 fil-mija tat-total tar-reġistranti filwaqt li n-nisa kienu jammontaw għal 27.7 fil-mija li jifdal. Bħala ċifri, f’Ġunju li għadda kien hemm 690 irġiel u 264 nisa jirreġistraw għax-xogħol.

Persuni li kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal inqas minn 21 ġimgħa u dawk li kienu ilhom jirreġistraw bejn 21 u 52 ġimgħa naqsu meta mqabbla mal-istess xahar fl-2021. Kien irreġistrat tnaqqis akbar fost dawk il-persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol għal aktar minn sena.

F’Ġunju 2022, in-numru ta’ persuni b’diżabilità li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol naqas bi 22 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, u laħaq il-231 persuna. L-irġiel ammontaw għal 77.1 fil-mija tar-reġistranti totali b’diżabilità .

Ekonomija

Sport