“Il-qtugħ ta’ dawl kellu impatt qawwi fuq l-istabbilimenti tal-catering”

- l-ACE

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) esprimiet it-tħassib serju tagħha dwar il-qtugħ ta’ dawl li qiegħed jaffettwa diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż. 

Minkejja l-assigurazzjoni tal-Enemalta li l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tibqa’ biżżejjed biex tissodisfa d-domanda attwali, l-ACE fi stqarrija qalet li l-qtugħ ta’ dawl riċenti reġa’ kellu impatt fuq l-istabbilimenti lokali tal-catering f’diversi lokalitajiet ewlenin.

Qalet li din hi problema li ma tawgurax tajjeb għall-bqija ta’ dan l-istaġun u tirrifletti l-esperjenza li ffaċċjaw ħafna stabbilimenti tal-catering fis-sjuf preċedenti. 

Filwaqt li esprimiet solidarjetà mal-istabbilimenti kollha tal-catering li esperjenzaw tfixkil fl-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom matul l-aħħar jiem, l-ACE insistiet fuq il-ħtieġa għal soluzzjonijiet tanġibbli immedjati biex tiżgura li l-istabbilimenti kollha tal-catering ma jesperjenzawx aktar telf matul l-istaġun tas-sajf.

Innotat kif l-installazzjoni ta’ generators f’diversi lokalitajiet huwa azzjoni pożittiva biex tittaffa l-ħsara kkawżata iżda qalet li “bla dubju li mhijiex biżżejjed.”

“Mhux aċċettabbli li s-settur tal-catering ikollu jħallas prezz għoli għal problema li ilha teżisti għal bosta snin u li għaliha kellhom jiġu adottati soluzzjonijiet jew aħjar, miżuri konkreti sabiex jiġi żgurat li jiġu evitati l-esperjenzi tal-passat. L-ACE tinnota li l-elettriku mhuwiex lussu iżda ħtieġa bażika għall-industrija tal-catering u għan-nazzjon inġenerali,” ittemm tgħid l-istqarrija tal-ACE.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport