Hekk kif beda l-ġuri u l-Prosekuzzjoni bdiet tippreżenta l-każ, ġie allegat li mill-provi nhar il-31 ta’ Ottubru għall-ħabta tal-5.30am waqt li kien qed jipprepara għal kaċċa, il-vittma sab lill-akkużat li dak il-ħin kien fl-għalqa tiegħu.
L-irġiel kienu ilhom jafu lil xulxin madwar 20 sena minħabba li jgħixu fl-istess lokalità u anke għandhom l-għelieqi qrib xulxin.
Jirriżulta li l-akkużat kellu xi kawżi ċivili kontra ħut il-vittma u li anke kien jeħtieġ li jixhed fihom. Irriżulta wkoll li l-akkużat kellu marloġġ f’idu, lasta ħoxna li tintuża biex titqabbad ma’ għodda oħrajn li jintużaw fl-għalqa. Kien hawn li huma bdew jitkellmu dwar xi għasfur li l-akkużat kien qabad il-ġurnata ta’ qabel. Il-vittma ra lill-misseru fuq il-post fejn l-akkużat qal li kien se jitlaq ‘l hemm.
Skont dak li l-vittma qal lill-pulizija waqt l-investigazzjonijiet, l-akkużat pponta subgħajh lejn siġra biex jurih xi ħaġa, iżda wara li ħares kemm-il darba biex jara x’kien hemm, l-akkużat tah daqqa bil-marloġġ fuq il-parti tal-lemin ta’ moħħu. Farrugia spiċċa feru u ħass ħadna demm niżel ma’ wiċċu.
Kien hawn li qam argument bejn iż-żewġ persuni li spiċċaw jitgerbu u jitlewmu mal-art. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-vittma ta 3 daqqiet lil akkużat waqt l-argument filwaqt li qallu “ għalfejn qed tagħmilli hekk, mela qed tiġġenen”.
Waqt li kompla l-argument, Farrugia ra lil Scicluna jaqbad is-senter tal-kaċċa jimmiraha lejh, u jispara. Il-vittma għatta wiċċu b’idu, iżda huwa xora ntlaqat f’driegħ, sidru u anke f’żaqqu. Farrugia kien tilef ħafna demm minħabba li huwa kien jieħu mediċina li traqqaq id-demm.
Aktar kmieni: Jibda ġuri mixli b’attentat ta’ qtil f’Ħad-Dingli
Joseph Scicluna dalgħodu beda għaddej ġuri quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fejn fost l-oħrajn qed jiġi akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Mark Farrugia ta’ 43 sena.
Scicluna qed jaffaċċja erba’ kapi ta’ akkużi fosthom li kkawża ferita ta’ natura gravi u anke li kellu fil-pussess tiegħu arma li kienet mingħajr liċenzja.
Kien f’Ottubru tal-2018 meta fl-inħawi ta’ San Ġakbu f’Ħad Dingli, Farrugia spiċċa fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqat minn tir ta’ arma tan-nar. Huwa mifhum li ż-żewġt irġiel huma kaċċaturi u l-mottiv wara dan kollu, kien argument.
L-Avukat Ġenerali qiegħed jitlob li jekk jinstab ħati jingħata sentenza ta’ 25 sena ħabs.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukat Kevin Valletta u Kayleigh Bonett f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi James Grech u Wayne Camilleri. Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri.
L-avukat Edward Gatt qed jidher għal parte civile.