Wednesday, April 24, 2024

Illum il-vot dwar il-liġi tal-kannabis

Aqra wkoll

Aktar tard illum fil-Parlament se jkun qed jittieħed il-vot dwar l-abbozz ta’ liġi li jwaqqaf l-Awtorità dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis. Liġi li smajna ħafna dwarha fl-aħħar jiem u ġimgħat, bl-argumenti jkunu varji minn dawk favur u oħrajn kontra fejn anke diversi għaqdiet ħarġu jgħidu tagħhom.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici, li ressaq dan l-abbozz ta’ liġi, stqarr li ma jistax ikun li nibqgħu nitrattaw ta’ kriminali nies li mhumiex kriminali. Huwa żied jgħid li dan il-Gvern jinċentiva liż-żgħażagħ jagħmlu l-għażlet għall-aħjar interessi tagħhom però hemm realtà hemm barra li trid tiġi indirizzata.

Huwa fakkar kif f’Marzu li għadda, il-Gvern nieda white paper dwar l-użu responsabbli tal-kannabis, liema proċess ta’ konsultazzjoni għalaq f’Mejju u rċevew mat-350 proposta. “Rajna x’iridu n-nies li pparteċipaw fil-konsultazzjoni u ħadna d-deċiżjonijiet. Il-PN ma ssottomettiex proposta waħda fil-proċess ta’ konsultazzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li l-Oppożizzjoni hi kontra din il-liġi. Huwa qal li din hija liġi li min hu responsabbli m’għandux bżonn il-liġi. Fl-istess waqt allega li din qed issir għal raġunijiet oħra. “Qed ngħidu, bħalma qed jgħidu l-organizzazzjonijiet, li qed tħalli nies li biex imorru jqassmu liż-żgħażagħ tagħna jew nies oħrajn jiġu covered. Jgħidlek li qed jużaha għall-użu personali.”

Għal din l-akkuża, il-Ministru Bonnici ċċara li: “jekk inti għandek xi ħadd li għandu fil-pussess tiegħu sa seba’ grammi tal-kannabis dik hi xi ħaġa li issa tista’ ssir. Jekk xi ħadd għandu fil-pussess tiegħu gramma, nofs gramma, u qed jgħaddiha lil xi ħadd ieħor dak hu traffikar li jista’ jiġi punit bil-ħabs.”

Sport