Friday, April 19, 2024

“Il-Knisja ma setgħetx tkun taf bid-deċiżjoni tar-Reġistru tal-Artijiet”

Aqra wkoll

L-Arċidjoċesi Maltija dwar kwistjoni fuq artijiet f’Għawdex

Wara li ftit jiem ilu rajna għadd ta’ persuni jipprotestaw f’Għawdex hekk kif l-Arċisqof Charles J. Scicuna mar jixhed f’kawża fuq artijiet f’Għawdex u lbieraħ saret ukoll protesta quddiem il-Kurja,  l-Arċisdjoċesi ta’ Malta iċċarat il-pożizzjoni tagħha. 

L-Arċidjoċesi ta’ Malta iċċarat li ma setgħetx tkun taf minn qabel, wisq aktar ikollha kontroll fuq, deċiżjoni tal-Aġenzija tar-Reġistru tal-Artijiet meħuda fl-2019, li wasslet biex jiġu rreġistrati artijiet f’Għawdex bil-konsegwenza li numru ta’ residenti huma inċerti dwar it-titlu legali ta’ darhom.

Fi stqarrija, li ħarġet lbieraħ filgħodu l-Kurja qalet li dan l-iżvilupp mhux mistenni min-naħa tar-Reġistru tal-Artijiet seħħ sentejn wara li ntlaħaq ftehim legali bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-eredi tal-fundatriċi tal-Abbazia San Antonio Delli Navarra, li kienet ilha tamministra l-art sa mill-1675.

Ġie spjegat li kien wara li ntlaħaq dan il-ftehim li l-eredi rreġistraw l-artijiet f’isem il-fondazzjoni.

Ingħad li din d-deċiżjoni tar-Reġistru tal-Artijiet, li ġiet ikkritikata wkoll mill-Ministru ta’ Għawdex waqt aġġornament fil-Parlament, f’Novembru tal-2020, hija kruċjali biex wieħed jifhem ir-raġuni vera wara l-inċertezza tar-residenti dwar it-titlu legali ta’ darhom.

L-Arċidjoċesi nnotat kif llum il-Moviment Graffitti qed jorganizza konferenza tal-aħbarijiet biex, fi kliemhom, jitolbu lill-Arċisqof “jirtira d-deċiżjoni tiegħu li jagħti kontroll tal-fondazzjoni medjevali lil…spekulaturi”.

Minn naħa tagħha l-Kurja qalet li l-istqarrija tal-Graffitti hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-fatti, u għalhekk din il-kjarifika hija meħtieġa biex tingħata informazzjoni korretta.

Ġie spjegat li fl-1675 n-nobbli Cosmana Cumbo Navarra waqqfet il-Fondazzjoni Abbazia San Antonio Delli Navarra bl-iskop li tamministra l-art tagħha. Hi riedet li l-amministratur tal-fondazzjoni jkun lajk jew kjeriku li jintgħażel mill-eredi, li kienu l-patruni tal-fondazzjoni, u li dan l-amministratur jiġi approvat mill-isqof.

Riedet ukoll li d-dħul jintuża biex jippromwovi kawżi speċifiċi marbuta mar-reliġjon Kattolika.

Cosmana Navarra ma kellhiex tfal u waqt żmien twil li matulu ħadd ma ġie identifikat bħala l-eredi tagħha, il-fondazzjoni ġiet amministrata minn kjeriċi. Madanakollu, wara  l-mewt ta’ Dun Saverin Bianco fl-1989, Richard Stagno Navarra afferma li hu kien l-eredi leġittimu bid-dritt li jiġi nnominat u appuntat bħala amministratur.

Wara li fl-1992 il-Kurja rrifjutat it-talba tiegħu biex jiġi rikonoxxut bħala l-eredi, Richard Stagno Navarra beda proċeduri legali. Il-Qorti ta’ Għawdex, 24 siegħa wara li ppreżenta l-każ tiegħu, approvat l-applikazzjoni tiegħu biex jiġi rikonoxxut bħala l-amministratur leġittimu.

Il-Kurja kienet ikkontestat din id-deċiżjoni u l-proċeduri legali damu għaddejjin għal aktar minn 20 sena. Il-Qorti mbagħad stabbilixxiet li l-fondazzjoni kienet entità lajka u li kwalunkwe proprjetà tal-fondazzjoni ma kinitx tappartjeni lill-Knisja.

Il-Qorti ppreċiżat li l-Arċisqof għandu biss id-dritt jappunta l-amministratur, u fl-ebda mument ma esprimiet dubju fuq Richard Stagno Navarra bħala l-eredi leġittimu.

Għalhekk, abbażi tal-parir legali li ngħata u wara li kiseb l-approvazzjoni tal-Kunsill Finanzjarju Djoċesan, l-Arċisqof kien ikkonkluda li jkun aktar għaqli li l-Knisja, flok tkompli bil-kawża legali, taċċetta li tiffirma ftehim mal-eredi fejn irrikonoxxiet id-deċiżjoni tal-Qorti dwar l-leġittimità tal-eredi.

L-eredi sussegwentament innominaw żewġ persuni bħala amministaturi tal-fondazzjoni, Dr Patrick Valentino u saċerdot. L-Arċisqof, li ma kellux l-awtorità jinnomina amministratur jew jippreżenta ismijiet ġodda għan-nomina, ikkonċeda li jiġi nnominat Dr Valentino. Dan sar għaliex l-Arċisqof ma riedx li jkollu saċerdot involut f’amministrazzjoni ta’ proprjetà li mhix tal-Knisja u li tappartjeni lil organizzazzjoni lajka.

Permezz tal-ftehim mal-eredi, bil-għan li jiġu osservati t-termini stabbiliti mill-fundatriċi, il-Knisja rċeviet is-somma ta’ €200,000 f’kapital, biex permezz tal-interessi ġġenerati jiġu onorati l-obbligi reliġjużi. Dawn l-obbligi, li jinkludu ċ-ċelebrazzjoni tal-quddies, qegħdin jitwettqu.

L-Arċidjoċesi temmet tgħid li minn naħa tagħha tappella sabiex tinstab soluzzjoni ġusta u raġonevoli.

1 kumment

  1. Storja li regat irrepetit ruha.Fis sittinijiet il knisja f Malta bieghat laqwa raba saqwi li kien hawn.Kien hemm hamsin familja jghixu mir raba u lannimali li jrabbu.Dawn il familji gew imkeccija minn djarhom u lghejxien taghhom.dan gara u flok raba inbniet Santa Maria Estate.Meta il bdiewa marru jkelmu lill mikiel gonzi.Qallhom li ma kienx jaf li hu saqwi.Saqsewh se jaghmlu uliedhom.Ir risposta kienet immorru jahdmu mall kuntrattur.Il lum il knisja anqas biss hasbet biex tkellem lill inkwilkini li jghixu fuq din lart.Halluna nghixu.Ghaxa tawwiex lilhom ghall 200000 elf ewro u mhux lill ispekulaturi

Comments are closed.

Sport