Thursday, March 28, 2024

ILLUM U GĦADA GĦALL-MARA F’MALTA

Aqra wkoll

Sfortunatament mill-aspett ta’ kronaka ma tantx bdejna s-sena 2022 b’aħbarijiet sbieħ ġewwa pajjiżna. Ilkoll smajna bl-aħbar xokkanti tal-mewt ta’ tfajla pollakka, Paulina, li minn hawn insellem il-memorja tagħha u minkejja li ma nafhix personalment, inħoss dieqa ġewwa fija kif ukoll rimors għal dak li ġara. Tfajla b’karattru ġenwin kif ġiet deskritta minn min kien jafha, u li kienet f’pajjiżna sabiex titgħallem. Żaret pajjiżna biex issir aħjar, biex ittejjeb il-ħiliet tagħha u tavvanza fil-perkors tal-ħajja tagħha iżda minnflok, kellha tgħaddi minn din it-traġedja tal-biżgħa fil-fjur ta’ ħajjitha.

Imma wieħed għandu tassew jistaqsi: “Għaliex ġara hekk? X’seta’ sar aħjar biex dan kollu kien jiġi evitat?” Fl-opinjoni tiegħi affarijiet hekk irridu nindirizzawhom u nkomplu naħdmu fuqhom. Bħalkom naf li Paulina ħalliet din id-dinja b’mod sfortunat u mhux se nġibuha lura. Iżda ma nistgħux nieqfu hawn, anzi dan irid ikun il-punt tat-tluq u l-motivazzjoni tal-ħidma tagħna. Sabiex dan ma jerġax isir irridu lkoll naħdmu bla heda, għax b’ħidma ma’ persuni li b’antiċipazzjoni nafu li jeħtieġu ċerta attenzjoni, nistgħu naslu biex dak li ġara nhar il-Ħadd 2 ta’ Jannar 2022, ma jerġax jirrepeti ruħu. 

Jeħtieġ li ssir ħidma li tingħata attenzjoni individwali lil persuni vulnerabli f’dan il-qasam, mingħajr ma niġġeneralizzaw, għaliex kull każ huwa delikat u speċifiku. Huwa faċli li f’sitwazzjoni bħal din nippuntaw subgħajna lejn l-aggressur u ngħadduh ġuri fuq il-mezzi soċjali qabel ma’ jitressaq il-Qorti, iżda dan il-ġudizzju ma jwassalna mkien ħbieb. 

Ma rridx ninstema lanqas li qed niddefendi dak li jista’ jkun ħażin. Il-messaġġ tiegħi huwa li min hu fil-pożizzjoni li jaġġixxi irid ixammar il-kmiem u tibda din l-imbierka analiżi sabiex il-pajjiż ikun konxju ta’ din il-pjaga li qed tnawwar is-soċjetà Maltija. B’hekk hemm bżonn naraw kif intejbu l-livell tas-servizz tas-saħħa mentali f’pajjiżna li għadha tistrieħ wisq fuq il-familja ta’ min għandu certu bżonnijiet. Għandna bżonn ninvestu aktar fit-taħriġ ta’ professjonijisti f’dan il-qasam u ntejbulhom ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Nafu lkoll li fl-aħħar sentejn kulħadd għadda minn stress minħabba l-pandemija. Issa hawn min kien kapaċi joħroġ minnha waħdu u hawn min jeħtieġ l-għajnuna għaliex il-kuntatt fiżiku bejn in-nies naqas. Nafu li meta dan iseħħ, tiżdied l-anzjetà u l-bżonn li wieħed jieħu ċertu miżuri f’dan ir-rigward. 

Il-każ ta’ Pawlina seta’ kellu kawża ukoll ta’ nuqqas ta’ edukazzjoni inġenerali. X’irrid infisser hawn? Sa ftit snin ilu rridu niftakru li n-nisa qas biss kellhom vot u apparti minn hekk, meta tiżżewweġ mara kien jeħtieġ li tieħu kunjom żewġha ta’ bilfors sabiex issa turi li saret fil-fatt parti mill-propjetà tiegħu. Għalkemm ċertu liġijiet inbidlu, wieħed irid jara li l-mentalità ta’ xi wħud, kemm irġiel kif ukoll nisa stess, għadha li mara trid toqgħod bilfors għal dak li jgħidilha raġel. Hawnhekk tidħol l-edukazzjoni. Bl-edukazzjoni biss nistgħu neradikaw dawn il-fehmiet sabiex in-nisa tassew jieħdu posthom fejn jixraq fis-soċjetà. Irridu nippreżentaw kotba bi stejjer li juru li n-nisa jafu jiddeċiedu u li jmexxu filwaqt li nagħtu opportunità lis-subien li huma l-irġiel ta’ għada li jkunu tassew missirijiet u jipparteċipaw fit-trobbija ta’ uliedhom b’mod sħiħ.

Nixtieq nagħlaq dan l-artiklu billi nappella wkoll li kull min iħoss xi forma ta’ stress jew anzjetà, jersaq ‘il quddiem b’mod kunfidenzjali sabiex isib l-għajnuna. Bħal dejjem, tafu li jien lesta noffri l-għajnuna tiegħi, kif ukoll inressaqkom għand min jista’ jghinkom, nies professjonisti li bil-ħiliet tagħom kapaċi jgħinukom. Nappella biex ħadd ma’ jaqta’ qalbu u ftakru li lkoll ninsabu taħt sema waħda. 

Ekonomija

Sport