Saturday, December 21, 2024

Imlaqqa’ l-ewwel par bħala parti mill-proġett tal-barbaġann, iktar investiment fil-Buskett

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-proġett tal-barbaġann se jidħol fit-tielet fażi tiegħu hekk kif tlaqqa’ l-ewwel par bl-ismijiet Tyto u Alba, ħabbar il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li spjega li dan huwa pass importanti f’proġett favur il-bijodiversità ta’ pajjiżna hekk kif dan l-ispeċi se jerġa’ jiġi introdott lura fis-salvaġġ permezz ta’ inizjattiva tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK). 

L-ismijiet ġejjin mill-isem xjentifiku għall-barbaġann (Tyto alba). Il-livestream tal-guva ta’ dan il-par huwa aċċessibbli għal kulħadd fuq http://bit.ly/3nJkFHo

Il-ministru ħabbar ukoll li se tiżdied is-sigurtà fl-inħawi tar-razzett fil-Buskett permezz ta’ investiment mill-ministeru f’cameras tas-sigurtà. Dan l-investiment se jkun qed jiżgura li mhux biss jiġu protetti r-razzett u t-tajr iżda wkoll jagħmel iż-żona tal-Buskett aktar sigura u jipprevjeni reati u inċidenti bħal rimi ta’ skart, serq, nirien u vandaliżmu.

Din l-informazzjoni ngħatat mill-Ministru Farrugia waqt żjara fir-Razzett tal-Bagħal fil-Buskett, sit amministrat mill-FKNK. Il-ministru pparteċipa f’attività biex jinżeraw diversi żrieragħ ta’ siġar indiġeni, fosthom tal-ħarrub u taż-żnuber, miġbura mill-Buskett stess.

Il-ministru qal li l-konservazzjoni ambjentali u l-protezzjoni tal-bijodiversità huma żewġ pilastri importanti fl-ekosistema tagħna. B’hekk, huwa d-dmir tal-gvern li jinvesti f’dawn il-pilastri permezz ta’ inizjattivi li bihom nippreservaw l-ambjent tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-kordinatur tal-proġett Lucas Micallef qal li dan huwa pass importanti ferm għall-bijodiversità ta’ pajjiżna. Fil-ġimgħat li ġejjin nistennew li bl-assistenza ta’ live streaming ta’ Tyto u Alba, ser insegwu l-atteġjament tagħhom u nħarsu ’l quddiem għal riżultati pożittivi ta’ tnissil u b’hekk nerġgħu naraw il-barbaġann jirritorna lura fis-selvaġġ.

Il-proġett tal-barbaġann huwa appoġġat mill-Fond għall-Għaqdiet Volontarji għall-Konservazzjoni ta’ Għasafar Selvaġġi. 

Ekonomija

Sport