Il-Pulizija ressqet sitt akkużi kontra s-Serba Miroslava Milenovic talli fl-inkjesta Vitals, eżerċitat il-professjoni ta’ accountant f’Malta mingħajr ma kellha warrant. Il-Pulizija ħadet dan il-pass wara li kienet ordnatha tagħmel hekk f’sentenza tal-Qorti Kriminali fit-13 ta’ Ottubru f’kawża miftuħa mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Oriġinarjament il-Pulizija, wara sittax-il xahar tinvestiga, kienet ikkonkludiet li ma kienx hemm lok li jittieħdu passi kontra Milenovic.
Fis-sentenza mogħtija fit-13 ta’ Ottubru, l-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, minn naha sabet li din l-investigazzjoni kellha “nuqqasijiet”, li kienet mibnija fuq assunzjonijiet u li r-reat ċentrali qatt ma ġie investigat, waqt li minn naha l-oħra ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jara “illi jittieħdu l-passi neċessarji” fil-konfront tas-Serba.
L-akkużi kontra Milenovic
Fuq din il-bażi fil-jiem li għaddew il-Pulizija ppreżentat fil-Qorti taħrika b’sitt akkużi. Milenovic, li kienet inħatret bħala forensic accountant mill-Maġistrat Gabriella Vella, qed tiġi akkużata illi: fil-kapaċità tagħha bħala perit u fil-kors ta’ proċeduri ċivili u/jew kriminali, xjentement wettqet fatti li kienet taf li kienu foloz u/jew dolożament tat fehma falza. Qed tiġi akkużata li ħalfet il-falz quddiem Imħallef, Maġistrat u/jew uffiċjal ieħor awtorizzat bil-liġi li jagħti l-ġurament.
Akkuża oħra hi li għamlet użu minn att, kitba u/jew skrittura falza ta’ atti pubbliċi, kummerċjali u/jew ta’ bank privat. Akkużata ukoll li biex tikseb vantaġġ, f’dokument maħsub għal awtorità pubblika għamlet dikjarazzjoni falza u/jew tat tagħrif falz.
Kienet akkużata li għamlet falsifikazzjoni oħra u/jew użat dokument ieħor falsifikat, u/jew wettqet att ta’ falsifikazzjoni fil-kapaċità ta’ uffiċjal jew impjegata pubblika.
L-aħħar akkuża hi li meta ma kinitx detentriċi ta’ warrant u/jew ċertifikat ta’ prattika, assumiet it-titolu ta’ “accountant pubbliku ċertifikat” u/jew “accountant u uditur pubbliku ċertifikat”, u/jew użat l-abbrevjazzjoni “CPA” u/jew “CPAA”, u/jew b’xi mod ieħor uriet li kellha l-jedd teżerċita l-professjoni ta’ accountant u/jew taġixxi bħala uditur f’Malta.
Kif jirriżulta mill-kronoloħija ta’ kif żviluppaw il-fatti f’dan il-każ, li qed tippublika IT-TORĊA, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ordnat lill-Pulizija jipproċedu kontra Milenovic, kważi seba’ snin bl-eżatt fuq id-data li fiha l-Maġistrat Vella ħatritha bħala forensic accountant fl-inkjesta Vitals.
- 16 ta’ Ottubru 2019 – Il-Maġistrat Gabriella Vella taħtar lil Milenovic bhala “forensic accountant” fl-inkjesta Vitals.
- 22 ta’ April 2024 – Milenovic tieħu ġurament li bħala ‘forensic accountant’ kienet qdiet fedelment onestament u fl-aħjar abbilità l-inkarigu tagħha fl-istess inkjesta.
- 13 ta’ Novembru 2024 – Milenovic tixhed dwar il-kwalifiki tagħha fi proċeduri kontra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u persuni oħra, fejn sar magħruf illi kienet tqabbdet tagħmel xoghol ta’ ‘forensic accountant’ meta la għandha degree fl-accounts u lanqas kellha warrant ta’ accountant mill-Accountancy Board, xi ħaġa li kellha bżonn bil-fors skont il-liġi f’Malta. Dakinhar stess, Dr Joseph Muscat permezz tal-avukat tiegħu Vince Galea, bagħat kwerela lill-Kummissarju sabiex jinvestiga lil Milenovic.
- 17 ta’ Novembru 2025 – Is-Segretarju tal-Accountancy Board jikteb lill-Ispettur Joe Mercieca, li kien tqabbad mill-Korp tal-Pulizija sabiex jinvestiga t-talba tal-eks Prim Ministru, li ċ-ċertifikati ta’ Milenovic “do not appear to be sufficient”.
- 20 ta’ Marzu 2026 – Il-Pulizija tinforma lil Dr Muscat li mhix se taġixxi kontra Milenovic.
- 11 ta’ Mejju 2026 – L-eks Prim Ministru jiftaħ kawża sabiex il-Qorti tirrevedi d-deċiżjoni tal-Pulizija. Fil-proċeduri iċ-Chairman tal-Accountancy Board Edgar Borg xehed illi sabiex persuna tkun tista’ tgħid li hija ‘forensic accountant’, fl-ewwel post trid tkun accountant. Is-Segretarju tal-Accountancy Board, Joseph Schembri Kamm minn naħa tiegħu xehed li Milenovic qatt ma kellha warrant ta’ accountant f’Malta u qatt ma applikat biex tingħata warrant.
- 17 ta’ Awwissu 2026 – Il-Qorti tal-Maġistrati ppreseduta mill-Magistrat Franco Agius tiċħad it-talba ta’ Dr Muscat, li minnufih qal li se jappella.
- 13 ta’ Ottubru 2026 – Il-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tilqa’ l-appell u tordna lill-Kummissarju tal-Pulizija jaġixxi kontra Milenovic.
Arranġamenti ġodda għall-Imħallfin
Sa dan it-tant IT-TORĊA hi informata illi fl-14 ta’ Ottubru, l-għada li ngħatat is-sentenza mill-Imħallef Scerri Herrera, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti ħareġ assenjazzjoni ġdida ta’ kawżi u doveri għall-Imħallfin tal-Qrati ta’ Ġurisdizzjoni Kriminali, b’effett minn dakinhar stess.
Taħt l-arranġamenti l-ġodda, l-Imħallef Scerri Herrera “tieqaf tieħu appelli kriminali inferjuri ġodda f’Malta” — jiġifieri appelli mill-Qorti tal-Maġistrati, bħal dak li ddeċidiet fil-każ ta’ Dr Muscat — ħlief f’każ ta’ indisponibbiltà, astensjoni jew rikuża ta’ tliet Imħallfin oħra. L-appelli inferjuri li kienu pendenti quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera għaddew ghand l-Imħallfin Edwina Grima u Neville Camilleri.
Minflok, l-Imħallef Scerri Herrera ingħatat l-appelli kriminali inferjuri ġodda f’Għawdex, nofs l-atti tal-akkuża ġodda ppreżentati quddiem il-Qorti Kriminali, l-appelli kriminali superjuri f’każ ta’ indisponibbiltà ta’ Imħallfin oħra, u l-għassa kriminali.
L-assenjazzjoni hija waħda ġenerali u tkopri seba’ Imħallfin tal-Qorti Kriminali. L-Imħallef Natasha Galea Sciberras ingħatat doveri fl-istess termini — hija wkoll waqfet tieħu appelli kriminali inferjuri ġodda f’Malta u ingħatat nofs l-atti tal-akkuża ġodda — filwaqt li l-Imħallef Elaine Rizzo ħadet l-appelli inferjuri li kienu pendenti quddiem l-Imħallef Galea Sciberras.
Id-dokument tal-Prim Imhallef ma jagħti ebda raġuni għal dawn il-bidliet.
