L-Arċisqof iħeġġeġ għat-talb għal dawk li ħallewna

Aqra wkoll

Hekk kif il-Knisja Kattolika ċċelebbrat il-festa tal-Erwieħ kolljha, l-Arċisqof Charles Scicluna ċċelebra din it-tifkira fil-Kappella tar-Resurezzjoni li tinsab fiċ-ċimiterju ta’ Ħal Qormi. Ikkonċelebraw miegħu l-ariċprieti taż-żewġ parroċċi Qriema, Dun Mario Mangion u Dun Karist Zammit.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof saħaq fuq l-importanza tat-talb għal ħutna l-mejtin, b’mod partikolari f’dan iż-żmien meta l-Knisja tistedinna niftakru fihom u nżuru l-oqbra tagħhom. Huwa spjega li fiċ-ċimiterji nsibu l-fdalijiet ta’ dawk li ħallew din id-dinja, iżda li l-laqgħa vera magħhom issir fil-fidi u fit-talb, speċjalment meta ninġabru flimkien fl-Ewkaristija.

Waqt li rrifletta fuq il-qari ta’ San Pawl, fakkar li l-imħabba ta’ Alla lejna mhijiex ibbażata fuq il-merti tagħna, iżda fuq il-fatt li aħna wliedu. Saħaq ukoll li t-talb tagħna għall-mejtin għandu sinifikat li jmur lil hinn miż-żmien, għax jidħol fil-qalb ta’ Alla, “li għalih m’hemmx passat u futur; kollox hu preżenti.”

L-Arċisqof fakkar li l-Knisja temmen fil-ġudizzju, fil-ġenna u fl-infern, iżda Ġesù jrid li kulħadd isalva u jkun miegħu fil-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk, ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jitolbu għall-għeżież tagħhom u jitolbu wkoll il-grazzja sabiex huma stess ma jinfirdu qatt minn Alla.

Fl-aħħar nett, appella biex kulħadd jgħix fl-imħabba lejn Alla, lejh innifsu u lejn il-proxxmu, filwaqt li fakkar li l-ġudizzju tagħna se jsir fuq l-imħabba.

Wara l-quddiesa, l-Arċisqof Scicluna bierek l-oqbra taċ-ċimiterju.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport