“Malta tibqa’ toffri s-serħan il-moħħ, bil-maqlub ta’ diversi pajjiżi oħrajn”

- Rebecca Buttigieg, Deputat Laburista

Aqra wkoll

Hekk kif bħalissa f’diversi pajjiżi madwar l-Ewropa, fosthom Franza u l-Italja qiegħed ikun hemm eluf ta’ perusni jipprotestaw l-aktar minħabba ż-żieda fl-għoli tal-ħajja, Malta qed tkompli żżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli u dan qiegħed joffri serħan il-moħħ lill-familji Maltin u Għawdex biex b’hekk ikompliu għaddejjin b’ħajjithom.

Hekk stqarret id-Deputata Parlamentari Laburista Rebecca Buttigieg waqt il-programm ‘Vi jew Va’ li xxandar nhar is-Sibt li għadda fuq ir-radju nazzjonali.

Buttigieg spjegali kif il-Budget tas-sena d-dieħla ikompli jibni fuq il-miżuri introdotti fis-snin preċedenti, filwaqt li jkompli jpoġġi lill-familji fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern.

“F’pajjiżna dan il-baġit kompla jagħti flus fil-but lill-familji Maltin u Għawdxin, filwaqt li żamm dak kollu li tajna f’baġits preċedenti,” stqarret id-Deputat Parlamentari Laburista.

Waqt l-istess programm Buttigieg kompliet tispjega li minbarra li dan il-budget offra n-normalità meħtieġa lin-nies, l-istess budget żied diversi miżuri konkreti u “bla preċedent li jolqtu direttament il-ħajja tan-nies, bħall-fatt li l-Gvern se jġorr l-ispejjeż kollha tat-terapija għat-tfal kollha b’diżabbiltà u aktar minn 700 mara se jibdew jirċievu l-pensjoni sħiħa tar-romol u oħrajn li jirċievu pensjoni għall-ewwel darba bit-trasferiment tal-Bolol tal-konjugi tagħhom.”

Fakkret ukoll mill-ġdid li dan il-Gvern b’differenza għal dak li qegħdin jagħmlu diversi gvernijiet oħrajn barra minn Malta qiegħed mill-ġdid joffri l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-fjuwils u l-enerġija tibqa’ waħda mill-pilastri ewlenin tal-politika ekonomika tal-Gvern.

Meta tkellmet dwar l-ekonomija, Buttigieg saħqet fuq il-kredibbiltà tal-amministrazzjoni Laburista li qed tkompli tattira iżjed investimenti ta’ kwalità, bħal dawk f’oqsma avvanzati tar-robotika u l-awtomazzjoni.

Irreferiet ukoll għat-tnaqqis fit-taxxa korporattiva minn 35% għal 25% biex in-negozji jinvestu fil-futur tagħhom, fond ta’ €100 miljun għat-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali, kif ukoll l-investiment fis-settur marittimu bil-pjan ‘Malta in Motion’.

Id-Deputata Laburista qalet ukoll li Malta jistħoqqilha turiżmu ta’ kwalità ogħla, fl-istess ħin li tingħata esperjenza lokali aqwa, b’aktar valur miżjud fl-ekonomija, spjegat kif iż-żieda fl-eko-kontribuzzjoni hi parti minn din il-viżjoni.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport