Fuq inizjattiva tal-Aġenzija Żgħażagħ bdew diskussjonijiet mal-European Youth Card Association (EYCA) u l-Għaqda tal-Baned Maltin dwar kollaborazzjoni akbar ħalli jikbru l-opportunitajiet għal żgħażagħ Maltin li huma attivi fl-Għaqdiet tal-Baned imferrxa madwar Malta u Għawdex.
Din l-inizjattiva ġiet diskussa waqt Konferenza bit-tema “Youth Conductors of Change” li ġiet organizzata mill-Aġenzija Żgħażagħ bil-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali mill-istess Aġenzija u b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Każini tal-Banda. L-għan tal-inizjattiva huwa li żgħażagħ li huma involuti fil-Baned Maltin jingħataw l-opportunità jesploraw opportunitajiet li jgħinuhom jiżviluppaw il-personalità tagħhom, opportunitajiet ta’ esperjenzi kulturali ma’ żgħażagħ oħra Maltin u barranin, u li jitrawwem fihom is-sens ta’ parteċipazzjoni attiva fil-komunitajiet tagħhom.
Permezz ta’ din l-inizjattiva l-Aġenzija Żgħażagħ bdiet diskussjonijiet fuq kollaborazzjoni mal-European Youth Card Association (EYCA) u l-Għaqda Każini tal-Banda biex tkun tista’ titnieda l-EYCA x Band Clubs Card li permezz tagħha ż-żgħażagħ attivi fil-Baned ikunu introdotti għall-opportunitajiet offruti mill-Erasmus+ Youth u l-European Solidarity Corps.
Minn barra dan, waqt din il-konferenza, l-għaqdiet tal-festi ġew imħarrġa wkoll fuq xi skemi u fondi hemm li jistgħu japplikaw għalihom, kemm minn aspett lokali, kif ukoll dak Ewropew, bħal programm Erasmus, il-European Solidarity Corps u ħafna iżjed. Ħareġ ukoll l-element ta’ kif il-festi Maltin u l-għaqdiet taż-żgħażagħ li jiġu magħhom kapaċi jkomplu jsaħħu s-soċjetajiet tal-pajjiż, filwaqt li jkomplu jżidu l-involviment taż-żgħażagħ fl-irħula.
Il-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri, u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Omar Farrugia qal li, “Il-festi u l-kultura Maltija huma verament għal qalbna, però kemm huma iżjed għal qalbna dawn iż-żgħażagħ li jipparteċipaw f’dawn l-għaqdiet, f’dawn is-soċjetajiet, illi bil-parteċipazzjoni tagħhom jagħmlu differenza kbira fil-komunitajiet rispettivi tagħhom.”
Il-Ministru kompla billi qal li l-għan tal-Gvern huwa li jkomplu joffru l-għodda neċessarja, u biex ituhom l-aħjar opportunitajiet biex iż-żgħażagħ jibbenefikaw minnhom għat-titjib fil-benesseri tagħhom, għat-titjib tas-soċjetajiet tagħhom iżda anke għat-titjib tal-komunitajiet ta’ għada.
Min-naħa tagħha, il-Manager responsabbli minn din il-konferenza f’isem Aġenzija Żgħażagħ, Maria Borg qalet kif f’din il-konferenza, l-Aġenzija qed tiltaqa’ma’ każini diversi minn madwar Malta u Għawdex biex jisimgħuhom imma anke biex jiggwidawhom bl-opportunitajiet li hemm anke Ewropej bħal ma huma l-Eurodesk, Erasmus u l-European Solidarity Corps.
