Il-Pulizija Maltija, assistiti mill-uffiċjali mid-Dipartiment tad-Dwana, qiegħda tinvestiga s-sejba ta’ 14-il kilo droga kokaina li kienet moħbija fuq vapur tal-merkanzija, bil-valur ilaħħaq madwar €1.4 miljun.
Tard nhar il-Ġimgħa bil-lejl, wara li l-vapur, MSC Firenze, kien għadu kemm daħal fil-Port Ħieles, l-awtoritajiet Maltin ġew infurmati mill-kaptan tal-vapur li waqt tindifa ta’ rutina li saret fil-21 ta’ Ottubru, membri tal-ekwipaġġ innotaw borża sewda imgeżwra f’xibka, li kienet f’kompartament fil-parti tal-magni.
Minħabba suspett li fiha hemm xi ħaġa llegali, l-ekwipaġġ ssiġillaw il-borża u malli l-vapur sorġa fil-Port Ħieles, din għaddiet f’idejn il-Pulizija. Malli l-borża nfetħet, instabu 14-il pakkett, li kienu jiżnu madwar kilo-il wieħed, mimlijin bil-kokaina.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-vapur, li huwa rreġistrat il-Liberia, telaq mill-Panama fis-17 ta’ Ottubru u kien fi triqtu lejn il-Port ta’ Gioia Tauro, fl-Italja, wara waqfa fil-Port Ħieles.
Bis-sejba ġie infurmat il-Maġistrat Dr Philip Galea Farrugia LL.D, li qed imexxi inkjesta.
