Tuesday, December 24, 2024

Identifikat il-vittma tal-inċident tat-traffiku li seħħ f’Ħaż-Żebbuġ

Aqra wkoll

Fi stqarrija l-Pulizija qalu li mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn vann Isuzu ELF misjuq minn Indjan ta’ 40 sena residenti l-Ħamrun u trakk DAF misjuq minn raġel ta’ 61 sena residenti Ħal Tarxien.

Ftit ħin wara l-inċident, fuq il-post waslu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku. Ambulanza ħadet lis-sewwieq tal-Isuzu l-Isptar Mater Dei iżda sfortunatament ftit tal-ħin wara huwa kien iċċertifikat mejjet.

Bil-każ kien infurmat il-Maġistrat Dr Joseph Mifsud LL.D li fetaħ inkjesta filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.

Aktar kmieni: Imut is-sewwieq tal-vann li kien involut fl-inċident tat-traffiku f’Ħaż-Żebbuġ

Dan is-sit jista’ jikkonferma li s-sewwieq li għall-ħabta tal-10.30am kien involut f’ħabta frontali fi Triq l-Imdina Ħaż-Żebbuġ ġie ċċertifikat mejjet fl-Isptar Mater Dei.

Intant is-sewwieq tat-trakk hu raġel ta’ 61 sena residenti Ħal Tarxien.

Aktar kmieni: Sewwieq jinħareġ minn vann… jingħata CPR fuq il-post

Is-sewwieq li safa maqbud fil-gabina tal-vann wara ħabta frontali ma’ trakk tal-ġebel, inħareġ bl-għajnuna tal-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.

B’mod immedjat beda jingħata CPR minn tim mediku li marru jassistu mill-Isptar Mater Dei.

Aktar kmieni:Is-CPD qegħdin jipprovaw isalvaw persuna f’inċident f’Ħaż-Żebbuġ

Il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili għaddejjin b’operazzjoni biex tinħareġ persuna li tinsab maqbuda wara inċident li seħħ ftit tal-ħin ilu fi Triq l-Imdina f’Ħaż-Żebbuġ.

Mill-ewwel indikjazzjonijiet jirriżulta li l-inċident seħħ bejn trakk tal-ġebel u trakk ieħor żgħir li kien qiegħed iġorr xi skart x’aktar flixken tal-plastik. Konsegwenza tal-inċident l-iskart kollu spiċċa mal-art.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10.30am.

Fuq il-post hemm tim mediku b’ambulanza mill-Isptar Mater Dei biex jagħtu l-ewwel għajnuna lis-sewwieq.

It-triq tinsab magħluqa għat-traffiku.

Aktar dettalji dalwaqt…

Ekonomija

Sport