“Huwa inaċċettabli li membru tal-Parlament Malti li huwa wkoll u membru ta’ partit li kellhu manifest inklussiv, jagħmel dawn id-dikjarazzjonijiet, speċjalment meta diġà kien hemm konverżazzjonijiet ma’ Dr Borg Manché fuq dawn is-suġġetti. Għalkemm kulħadd għandu dritt għall-opinjoni propja, nemmnu li jekk l-opinjoni tkun inkorretta, għandha tiġi kkoreġuta”.
Iddikjara dan il-Kumitat tal-MGRM f’intervista ma’ dan il-ġurnal b’referenza għal dak li ddikjara d-Deputat Nazzjonalista Dr Conrad Borg Manché dwar l-avvenimenti tal-pride waqt intervista li saritlu mill-Malta Today.
L-MGRM spjegat lil dan il-ġurnal, li; “b’mod kategoriku, ma naqblux mal-kummenti tiegħu li fihom jissuġġerixxi li l-Pride sar avveniment “eċċessiv” u li t-tfal m’għandhomx jiġu mgħallma fl-iskejjel dwar l-identità, il-ġeneru, u l-orjentazzjoni sesswali. Dawn it-tip ta’ konverzazzjonijiet jibqgħu jirrepetu ruħhom, u qed iservu bħala distrazzjoni mid-diskussjonijiet importanti dwar suġġetti oħra ta’ relevanza għall-membri tal-komunità LGBTIQ”.
Huma qalu li dan bħal pereżempju l-isfidi li jsibu persuni LGBTIQ li qed ifittxu l-ażil, id-diffikultajiet li bosta persuni trans għad għandhom biex isibu impjieg minħabba l-identità tagħhom, l-inviżibbilità tal-persuni intersess fis-soċjetà, u n-numri ta’ persuni li għad hawn li mhumiex aċċettati mil-familja tagħhom.
Enfasizzaw fuq il-fatt li filwaqt li jaqblu li s-sitwazzjoni f’Malta hija aħjar milli kif kienet qabel, il-kummenti ta’ Dr Borg Manché dwar il-fatt li kull persuna LGBTIQ hija integrata fis-soċjetà, u li m’għadx hawn nies li jsaqqfu wiċċhom ma’ xi forma ta’ diskriminazzjoni, għalihom huma oġġettivament inkorretti.
Hawnhekk huma żiedu jgħidu: “Il-fatt li Dr Borg Manché għandu problema b’dak li sejjaħ persuna femminili b’vuċi ta’ raġel fl-iskejjel huwa wkoll prova ta’ dan, speċjalment fejn qed ngħixu f’realtà fejn persuni trans mhux biss huma parti minn familji li jinkludu tfal, però hemm persuni trans li huma wkoll ġenituri”.
Meta kienu mistoqsija minn dan il-ġurnal dwar kemm jaħsbu li fadal xi jsir f’dan ir-rigward f’pajjiżna u fis-soċjetà tal-lum, huma bdew biex qalu li jemmnu li għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir. Qalu li hemm il-bżonn li jkomplu jaħdmu biex ikun hawn aktar viżibiltà, edukazzjoni pubblika, u għarfien dwar is-saħħa mentali, problemi ta’ housing, abbuż fuq persuni LGBTIQ, kif ukoll għarfien dwar identitajiet diversi bħal persuni trans, persuni intersess, persuni asesswali, u persuni li jgħixu bl-HIV.
Hawn, il-kumitat tal-MGRM żied jgħid; “Hemm bżonn li nkomplu l-ħidma tagħna biex ikollna edukazzjoni aktar inklussiva fl-iskejjel u li tkun addattata għal kull età u tinkludi għarfien dwar identitajiet LGBTIQ, u identitajiet oħra biex l-edukazzjoni ta’ wliedna tkun riflessjoni iktar preċiża tas-soċjetà diversa li qed ngħixu fiha. Irridu nimxu lil hinn minn argumenti mportati mill-lemin estrem ta’ pajjiżi bħall-Amerka u l-Ingilterra, u nkomplu niffukaw fuq il-komunitajiet diversi tagħna”.
Tennew jgħidu li sakemm hemm nies bħal Dr Manché u politiċi oħra li raw matul il-kampanja elettorali, li jaraw identitajiet LGBTIQ+ bħala identitajiet ta’ l-adulti, ix-xogħol tagħhom ikompli.



