Saturday, November 23, 2024

Inawgurat il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

Is-Sibt 8 ta’ Awwissu ġie inawgurat il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Dan il-bejt jikkonsisti f’area ta’ 1,100 metri kwadri u sewa €2.5 miljun u huwa parti minn investiment totali ta’ €8 miljuni mibdi mill-Ministeru għat-Turiżmu u ko-finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea tul dawn l-aħħar ħames snin. Minbarra xogħol ta’ tisbiħ u rinovar tal-bejt, dan l-investiment ikopri wkoll il-mużew virtwali li ġie mniedi ftit tal-ġimgħat ilu, l-installazzjoni ta’ AC units ġodda u teknoloġiji ġodda fil-qasam tal-konferenzi fil-binja ta’ Dar il-Mediterran fost l-oħrajn.

Il-mużew virtwali Re-Living the Sacra Infermeria li ġie inawgurat ftit tal-ġimgħat ilu flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu f’pajjiżna fejn permezz tal-użu tat-teknoloġija ta’ augmented reality joffri esperjenza unika ta’ 18-il xena marbuta mal-istorja ta’ pajjiżna. Dan il-bejt huwa wkoll parti minn dan il-mużew hekk kif żewġ xeni jinsabu hawnhekk flimkien ma’ panorama 360 bi gwida jispjega virtwalment siti storiċi li jkunu qed jidhru fix-xena.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli esprimiet sodisfazzjon għal dan l-investiment hekk kif dan il-bejt mhux biss jista’ jitgawda mill-Maltin u mit-turisti li jiġu jżuru l-mużew virtwali imma jista’ jintuża wkoll għal konferenzi u għal attivitajiet oħra. Irrimarkat li fl-2019 biss madwar 167,000 viżitatur żaru Dar il-Mediterran fejn 15,000 minnhom kienu għall-konferenzi. “Iktar kmieni din is-sena żort is-Samsung Conference li saret proprju f’din il-binja u li ttellgħet għall-ewwel darba f’pajjiżna bl-attendenza ta’ 3,000 persuna,” qalet il-ministru. Il-Ministru Farrugia Portelli semmiet li dan il-bejt issa jista’ jintuża għal numru ta’ konferenzi u għal funzjonijiet privati u saħqet kif dan jawgura tajjeb għall-prodott turistiku tagħna b’valur addizzjonali permezz ta’ xenarji uniċi tal-Port il-Kbir.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi qed isir permezz ta’ investiment ta’ €8 miljun b’€4.2 miljun minnhom fondi Ewropej. Kompla jgħid li dan il-proġett qed joffri wieħed mill-isbaħ belvedere fil-kapitali u jikkumplimenta żewġ proġetti oħra ffinanzjati b’fondi Ewropej, li huma r-restawr tal-parti ta’ fuq ta’ Sant’Iermu u l-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Marsamxett, li flimkien qed isaħħu l-investiment fin-naħa ta’ isfel tal-belt kapitali Maltija. Stefan Zrinzo Azzopardi kkonkluda billi qal li permezz ta’ fondi Ewropej sar investiment biex inkomplu nippriservaw u nibnu fuq il-wirt storiku ta’ pajjiżna biex b’hekk insaħħu l-prodott turistiku Malti u jkollna aktar rikezza li tippromwovi l-ġmiel ta’ pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, is-Sur Pierre Fenech, Kap Eżekuttiv ta’ Dar il-Mediterran, qal li dan huwa proġett importanti għall-industrija tat-turiżmu speċjalment fejn jidħol is-settur tal-meetings, tal-events, tal-konferenzi u tal-inċentivi. “Dan hu importanti ħafna għax se nkunu qed noffru prodott uniku b’post fejn tista’ tagħmel avveniment fuq barra bi spazju addizzjonali fuq ġewwa,” temm jgħid is-Sur Fenech. 

Is-Sur Kenneth Spiteri, Chairman ta’ Dar il-Mediterran, irringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kienu parteċipi biex dan il-proġett seta’ jitwettaq.

Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku tal-Belt Valletta, is-Sur Alfred Zammit.

Sport