Monday, April 22, 2024

Inawgurat ir-restawr fuq l-istatwa ta’ San Nikola fil-pjazza tas-Siġġiewi

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’ċerimonja li saret dalgħodu fil-pjazza tas-Siġġiewi, ġie inawgurat ix-xogħol ta’ restawr li sar fuq l-istatwa ta’ San Nikola u l-pedestall tal-istess statwa. 

Din l-istatwa, li twaqqfet fis-sena 1732, kienet skolpita fuq żewġ ġebliet kbar minn Pietru Felici. Jingħad li dawn il-ġebliet inqatgħu minn għalqa li għadha sal-lum magħrufa bħala l-għalqa ta’ San Nikola. 

Dak iż-żmien Felici kien tħallas is-somma ta’ 70 skud filwaqt l-pedestall tal-istatwa ħadmu Ġużeppi Fabri li kien tħallas is-somma ta’ 15-il skud. 

F’kelmtejn tal-okkażjoni, is-Sindku tas-Siġġiewi Dominic Grech qal li huwa ta’ pjaċir għalih li qed jiġi inawgurat dan ir-restawr proprju fl-istess ġimgħa li fiha kienet iċċelebrata wkoll il-festa liturġika ddedikata lil San Nikola.

Grech qal li għal dawn l-aħħar 27 sena, il-Kunsill Lokali dejjem ħadem sabiex dak li għandna ngawduh mhux biss illum imma nibqgħu nippreservawh għas-snin li ġejjin.  Spjega li kien fi Frar tal-2020 meta nibtet l-idea fuq livell ta’ Kunsill Lokali li jimbarkaw fuq proġett ta’ restawr ta’ din l-istatwa. 

“Kien ilu jinħass għal numru ta’ snin li hemm bżonn ta’ intervent biex din l-istatwa nippreservawha għal ħafna iktar snin. Kien grazzi għall-kordinament li sibna minn GAL Majjistral, li permezz ta’ applikazzjoni li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kien għamel ibbenefikajna minn fondi rikjesti għal dan ix-xogħol ta’ restawr,” qal is-Sindku tas-Siġġiewi li żied jirrimarka li x-xogħol ta’ restawr fuq l-istatwa u l-pedestall beda proprju f’Ġunju li għadda.

Fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qegħdin isiru l-kumplament tax-xogħlijiet kemm fuq il-parti ta’ taħt tal-istatwa kif ukoll fuq il-pavimentar li hemm madwar l-istatwa. Fiċ-ċerimonja tal-lum ħadu sehem ukoll iż-żewġ soċjetajiet mużikali tas-Siġġiewi – Każin Banda San Nikola u Siggiewi Brass Band.

Sport