Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela inawgura investiment li jimmarka pass importanti ’l quddiem fil-mod kif joffru kura lill-iżgħar pazjenti vulnerabbli f’pajjiżna, permezz ta’ tisħiħ tat-Taqsima tal-Kura Intensiva Neonatali u Pedjatrika (NPICU).
Ġie spjegat kif din is-sala, li sa issa kienet tinkludi 20 units, tipprovdi kura ta’ dipendenza għolja u intensiva għal tfal sa mill-ewwel stadji tal-ħajja tagħhom (inkluż trabi prematuri) sa tfal ta’ tliet snin. Kull sena, l-NPICU tieħu ħsieb aktar minn 400 ċkejknin, numru li qed jiżdied b’mod gradwali. Il-maġġoranza tal-pazjenti huma trabi tat-twelid, ħafna minnhom prematuri, u xi wħud ikunu jiżnu mhux aktar minn 500 gramma biss.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif permezz ta’ din l-estensjoni, qed jaraw żieda ta’ seba’ units għall-kura intensiva neonatali, primarjament immirati għal trabi prematuri. Dan l-investiment jammonta għal madwar €400,000 u jsaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiż biex jipprovdi kura tal-ogħla livell f’mumenti kritiċi.
Dr Abela faħħar lit-tim dedikat ta’ tobba, infermiera u qwiebel, li flimkien ma’ professjonisti oħra, jaħdmu bla waqfien b’livell għoli ta’ kompetenza biex isalvaw ħajjiet fraġli. Qal kif permezz ta’ tagħmir modern u flimkien ma’ sistemi avvanzati ta’ monitoraġġ u ventilazzjoni, t-tim jiżgura kura ta’ klassi dinjija.
“Dan l-iżvilupp jikkonferma l-impenn kontinwu tal-Gvern li s-servizzi tas-saħħa jkomplu jevolvu, isiru aktar reżiljenti u jiffukaw fuq in-nies, servizzi aċċessibbli mogħtija b’dinjità u kumpassjoni għall-pazjent”, tenna Dr Abela.
Il-Ministru Abela qal kif din it-taqsima hija mfassla b’enfasi fuq kura ċċentrata fuq il-familja. Il-ġenituri huma parti integrali mill-proċess ta’ kura u huma mħeġġa biex ikunu preżenti u involuti b’mod attiv, għax il-fejqan huwa wkoll proċess emozzjonali u uman.
“It-tisħiħ tal-kura neonatali hija prijorità nazzjonali, għax is-saħħa tat-tfal hija l-pedament tal-futur tagħna. Illum, mhux biss qed tinfetaħ estensjoni, iżda qed jiġi mġedded l-impenn tagħna lejn il-familji, lejn il-ħaddiema tas-saħħa u lejn kull tifel u tifla li jistħoqqilhom l-aqwa bidu possibbli fil-ħajja tagħhom”, temm jgħid Dr Abela.


