It-tmexxija ekonomika tal-pajjiż taħt Gvern Laburista wasslet għal ekonomija iktar reżiljenti, dinamika u ffukata fuq il-benesseri tan-nies.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, intqal li l-kompetenza ekonomika tfisser mhux biss stabbiltà u ċertezza, iżda wkoll il-kapaċità li jinħolqu opportunitajiet ġodda, jiġu sostnuti setturi emerġenti u jitfasslu ideat innovattivi għall-futur ta’ pajjiżna.
Silvio Schembri sostna li dak li wettaq il-Partit Laburista fil-Gvern matul dawn l-aħħar snin huwa garanzija għall-futur u li l-manifest elettorali li qed jitħejja se jkun ibbażat fuq kwalità ta’ ħajja aħjar, iktar ħin mal-familja u ekonomija b’saħħitha li toffri reżiljenza u opportunitajiet ġodda.
Il-Ministru Schembri fakkar kif taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela Malta rnexxielha tkun waħda mill-iktar ekonomiji reżiljenti fl-Ewropa. Huwa semma kif waqt il-pandemija tal-COVID-19, il-Gvern nieda l-ikbar pjan ta’ investiment industrijali fl-istorja tal-pajjiż flimkien ma’ miżuri innovattivi bħal vawċers biex jiġu sostnuti n-negozji.
Kompla jgħid li waqt il-kriżi globali tal-inflazzjoni, Malta introduċiet l-Iskema Stabbiltà biex twaqqaf iż-żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali, filwaqt li kompliet issaħħaħ is-sussidji fuq il-fjuwil u l-enerġija biex tipproteġi lill-familji u n-negozji.
Il-Ministru Schembri enfasizza li l-ekonomija Maltija kibret kważi bi kwart mill-2022 sal-lum, seba’ darbiet ogħla minn dik tal-bqija tal-Unjoni Ewropea, b’setturi bħas-servizzi finanzjarji, l-iGaming, l-IT u l-komunikazzjoni diġitali jkunu l-mutur ewlieni ta’ dan it-tkabbir.
Huwa żied li l-IMF qed tbassar li Malta se tkompli tkun fost l-iktar ekonomiji li qed jikbru fl-Ewropa matul is-snin li ġejjin. Tul dawn il-ħames snin, b’mod konsistenti, Malta se jkollha l-ikbar rata ta’ tkabbir fl-Unjoni Ewropea. Filwaqt li d-defiċit fiskali se jibqa’ jonqos b’mod sostenibbli.
Il-Ministru Schembri tkellem ukoll dwar il-proġetti strateġiċi għall-futur, fosthom investimenti fl-infrastruttura, enerġija nadifa, diġitalizzazzjoni, intelliġenza artifiċjali, esports, immersive technologies, Fintech u Medtech, kif ukoll il-Viżjoni Malta 2050 li għandha l-għan li twassal għal ekonomija b’iktar produttività u valur miżjud.
Huwa spjega li għall-ewwel darba Malta qed timmira għal miri lil hinn mill-GDP, fosthom ħajja iktar sana, iktar flus fil-but wara t-taxxa u bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li ekonomija b’saħħitha trid twassal għal ħajja aħjar għall-familji u għall-ħaddiema.
Hija sostniet li l-politika ekonomika progressiva tal-Gvern wasslet għal rata rekord ta’ impjiegi, bi 8 minn kull 10 impjiegi ġodda maħluqa f’karrieri professjonali, maniġerjali u tekniċi.
Rebecca Buttigieg enfasizzat l-importanza taċ-childcare b’xejn, li mhux biss żied il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, iżda wkoll ta serħan il-moħħ lill-ġenituri biex jibbilanċjaw il-karriera u l-familja.
Hija semmiet ukoll diversi miżuri favur il-familji u l-ħaddiema introdotti mill-Gvern Laburista, fosthom it-tisħiħ tal-leave tal-paternità, parental leave, miscarriage leave imħallas, parental bereavement leave u iktar protezzjoni għall-ħaddiema permezz tal-Karta tad-Drittijiet tal-Ħaddiema.
Rebecca Buttigieg qalet li l-proposti mħabbra dalgħodu mill-Prim Ministru Robert Abela għall-familji huwa konferma oħra tal-impenn tal-Gvern lejn il-wellbeing tal-familji Maltin u Għawdxin, filwaqt li semmiet ukoll il-ftehim kollettiv storiku għall-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku li jiswa iktar minn biljun ewro fuq sitt snin u li minnu gawdew madwar 33,000 ħaddiem.
Hija temmet tgħid li l-manifest “Int Malta – Il-Ħolma Tiegħek. Il-Proġett Tagħna.” se jkun mibni fuq proposti realistiċi u sostenibbli li jkomplu jtejbu l-ħajja tan-nies, b’fokus ċar fuq id-dinjità, il-benesseri u opportunitajiet aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.


