Raġel ta’ 45 sena minn Ħal Qormi nstab ħati li kiser ordni ta’ protezzjoni maħruġa mill-qorti favur l-eks sieħba tiegħu, wara li resaq lejha fil-pubbliku u abbużaha verbalment quddiem is-sieħeb tagħha.
Jonathan Pisani ammetta l-akkużi miġjuba kontrih meta tressaq il-qorti nhar t-Tlieta quddiem il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici.
Il-qorti semgħet kif, minkejja li kien marbut b’ordni ta’ protezzjoni maħruġa f’Marzu ta’ din is-sena, Pisani resaq lejn l-eks sieħba tiegħu waqt li din kienet fil-kumpanija tas-sieħeb tagħha u għaddielhom kummenti dispreġġjattivi.
Pisani ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih.
Huwa ġie mmultat €7,000, u inħarġet ordni ta’ protezzjoni ġdida għal perjodu ta’ tliet snin favur l-eks sieħba tiegħu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar, filwaqt li l-avukat Roberta Bonello Felice dehret għall-akkużat.


