Saturday, May 4, 2024

Interess kbir għall-Europride

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn hawn u ftit tal-ġimgħat oħra, Malta se tkun tospita l-EuroPride Valletta 2023, li huwa l-akbar avveniment ta’ diversità fl-Ewropa. Bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti, anke mil-lat ta’ loġistika, biex ikun jista’ jittella’ program mifrux fuq għaxart ijiem li se jinkorpora fih kunċerti mużikali, l-arti u l-kultura u wirjiet li jagħtu spazju lill-komunità LGBTIQ+ twassal il-messaġġ tagħha.

IT-TORĊA tkellmet mas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg li fissret kif l-interess għall-EuroPride ta’ din is-sena huwa wieħed kbir tant li huwa stmat li se jattendu eluf kbar ta’ Maltin u anke barranin għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.

Hija qalet li l-attivitajiet se jsiru bejn is-7 u s-17 ta’ Settembru li ġej, u li fihom se jieħdu sehem artisti stabbiliti lokali uoħrajn ta’ fama internazzjonali li lkoll se jgħaddu messaġġ ċar, dak favur l-ugwaljanza u l-imħabba.

Nhar id-9 ta’ Settembru, wara l-Pride March f’Għawdex, se jittella’ kunċert bis-sehem ta’ Glen Vella u l-Versatile Brass Band flimkien ma’ 20 kantant. U f’Malta, kunċert ieħor wara l-Pride March fis-16 ta’ Settembru, bi spettaklu mill-kantawtriċi Amerikana Christina Aguilera.

Kull filgħaxija, fi Pjazza Tritoni, se jsiru kunċerti minn diversi artisti lokali u barranin. Fosthom Eurovision Night bil-parteċipazzjoni ta’ Conchita mill-Awstrija, Katrina and The Waves mill-Ingilterra, ir-rock band mill-Litwanja The Roop, u magħhom Chiara, Fabrizio Faniello, Claudia Faniello u ħafna oħrajn.

Se jsiru wkoll kunċerti minn Aiden, minn Glenn u Amber u mill-MGRM bit-tema Women’s Space, kif ukoll tribute shows ta’ Beyone, Lady Gaga u Cher, u spettaklu minn Kor Kwir – l-ewwel kor tal-komunità LGBTIQ f’pajjiżna.

Apparti minn hekk, se ssir ukoll konferenza organizzata mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem li fiha se jkunu diskussi diversi temi fosthom l-irwol tar-reliġjon u l-identità tal-persuni fi ħdan il-komunità LGBTIQ+.

“Hemm ħafna interess. Jekk wieħed jaħseb li din se tkun manifestazzjoni tal-Maltin u l-Għawdxin jew tal-persuni LGBTIQ huwa żbaljat. Qed nistennew li aktar minn 40,000 persuna ġejjin iżuru l-gżira tagħna għal EuroPride,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

“Hemm min ġej għall-ewwel darba f’pajjiżna, iżda ġejjin ukoll għax jafu li hawn post sigur, hekk kif ninsabu fil-quċċata f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Rainbow Index. Fl-istess ħin l-EuroPride li ta Malta hija 29 edizzjoni tagħha, ser tkun ċelebrazzjoni tar-riformi kbar li għamilna fil-qasam tal-libertajiet u d-drittijiet ċivili. Il-Gvern kommess li jkompli jsaħħaħ dawn id-drittijiet b’aktar riformi.”

Sehem ugwali għal aċċess ta’ kull tip ta’ servizz

Mistoqsija dwar kemm taħseb li l-Maltin qegħdin jaċċettaw dawn ir-riformi daqstant importanti u mgħaġġla fil-qasam tal-libertajiet ċivili, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza qalet li jekk wieħed jara l-istħarriġ tal-Ewrobarometru jsib li l-maġġoranza assolut tan-nies huma favur dawn ir-riformi.

“Il-fatt li għamilna din il-qabża ‘l quddiem ifisser li l-Maltin huma on board. Nemmen li bħala pajjiż urejna u tajna wkoll ċertu sinjali illi meta jkollok rieda politika flimkien mal-ħidma li saret fil-komunità jista’ jkollok liġijiet inklussivi li fl-aħħar mill-aħħar juru ugwaljanza għal kulħadd,” qalet Buttigieg.

“L-ugwaljanza, meta nitkellmu dwarha, mhux biss inkunu qed nirreferu għal-liġijiet imma li inti għandek sehem ugwali għal aċċess ta’ kull tip ta’ servizz. Naħseb li dan huwa prinċipju fundamentali li l-Maltin kollha jaqblu miegħu,” saħqet is-Segretarju Parlamentari.

Iż-żifna fil-Belt li iċċelebrat l-imħabba

Dal-aħħar inqalgħet kontroversja marbuta mas-sehem tat-tfal f’attività li ttellgħet fil-Belt Valletta li ċċelebrat id-diversità. Mitluba tikkummenta dwar dan, is-Segretarju Parlamentari qalet li hija kienet preżenti għal din l-attività u meta tkellmet mal-ġenituri li ġabu t-tfal magħhom għal din iż-żifna u anke mat-tfal infushom, semgħet kliem ta’ mħabba u ferħ.

“L-għan tagħna mhuwiex li nippromwovu xi tip ta’ mibegħda anzi pjuttost bil-kontra u dak kien l-għan ta’ dik iż-żifna, illi nġibu lil kulħadd flimkien bħala komunità waħda niċċelebraw l-imħabba.” qalet Buttigieg. “Nifraħ ukoll lill-ġenituri li għamlu dak il-pass għax urew lil uliedhom li int min int, tħobb lil min tħobb, dan il-pajjiż se jaċċettak. U dak li rridu nħallu lill-ġenerazzjonijiet li jmiss.”

Sport