Il-kumpless ta’ San Vinċenz de Paul qed ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala ċ-ċentru nazzjonali għall-kura tal-anzjani f’Malta permezz ta’ investimenti kontinwi f’tagħmir mediku modern u effiċjenti.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, id-Dipartiment tad-Diagnostic Imaging f’San Vinċenz de Paul ġie mgħammar b’żewġ magni ġodda portabbli għall-X-ray; apparat ta’ teknoloġija għolja li ngħaqad ma’ magna eżistenti biex jiffurmaw flotta ta’ tliet magni li jkopru b’mod effettiv ir-residenza kollha.
Dawn il-magni, b’investiment ta’ aktar minn €400,000, jipprovdu servizz ta’ X-ray lill-pazjenti fil-kumdità tas-sodda tagħhom. Dan huwa servizz kruċjali għal anzjani b’mobilità limitata, problemi konjittivi jew b’saħħa dgħajfa. Għaldaqstant, dan is-servizz jipprevjeni l-ħtieġa ta’ trasport mhux meħtieġ u joffri kura aktar malajr u b’dinjità akbar.
Fid-diskors tiegħu waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, fakkar ukoll li investimenti bħal dawn huma wkoll investiment dirett fil-ħaddiema. “Meta nipprovdu għodod moderni u effettivi, inkunu qed nagħtu spalla lill-professjonisti biex jagħmlu xogħolhom bl-aqwa mod – b’effiċjenza, dinjità u rispett lejn kull pazjent.”
Min-naħa tiegħu, Terence Cesare, radjografu u koordinatur tad-Dipartiment tad-Diagnostic Imaging, irrimarka li dawn il-magni qed jagħmluha possibbli li jiġu identifikati u indirizzati problemi mediċi aktar malajr, u b’inqas inkonvenjent għall-pazjenti. Dan mhux biss jgħin fil-prevenzjoni iżda wkoll fl-immaniġġjar aktar effikaċi tal-kundizzjonijiet tagħhom.
Fl-istess waqt, is-Segretarju Parlamentari Agius Galea ħabbar ukoll li n-numru ta’ testijiet tal-bone density fi 13-il xahar kemm ilu li ġie introdott mill-istess Dipartiment f’San Vinċenz de Paul laħaq il-5,000. Dan is-servizz ikkontribwixxa biex ġiet eliminata kompletament il-lista ta’ stennija għal dan it-tip ta’ test fost l-anzjani.
Dan l-investiment jagħmel parti minn viżjoni aktar wiesgħa li fiha d-Dipartiment tad-Diagnostic Imaging f’San Vinċenz se jespandi f’ċentru dijagnostiku komplut, b’investiment ta’ aktar minn €5 miljun. Il-pjanijiet jinkludu wkoll tagħmir avvanzat bħal CT u MRI, sabiex San Vinċenz ikompli jinbidel f’ċentru ta’ eċċellenza għal kura sħiħa u dinjituża.