Hekk kif kompliet id-diskussjoni fil-Parlament b’rabta mar-riforma fl-inkjesti magisterjali, tkellem is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield li elenka seba’ prinċipji ewlenin li joħorġu minn dan l-abbozz li ressaq il-Gvern.
Dawn il-prinċipji jinkludu l-aderenza għall-prinċipju tal-proporzjonalità, il-konformità mal-obbligi tal-Istat li kull min huwa indizjat u proċessat ikollu smigħ xieraq u l-protezzjoni minn abbuż tas-sistema ġuridika tagħna.
Prinċipji oħra huma l-allinjament mal-prinċipju tas-saltna tad-dritt, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bnedem, il-protezzjoni għall-ġudikatura fil-konfront ta’ azzjonjiet frivoli u vessatorji u l-konsistenza mal-prinċipju tal-ugwaljanza li kulħadd huwa ugwali quddiem il-liġi.
Is-Segretarju Parlamentari Bedingfield irrimarka kif b’dawn l-emendi se jiġi assigurat li l-proċess li jeħtieġ isir ma jkunx wieħed eċċessiv b’tali mod li jġib tbatija żejda għal kull min ikun għaddej minn proċeduri jew ikun qiegħed jistenna l-proċeduri, bħalma huma l-vittmi ta’ reat jew il-familjari tagħhom. Barra minn hekk, it-timelines li qed ikunu proposti jissalvagwardjaw d-drittijiet tan-nies u l-punt ewlieni li l-ġustizzja trid issir.
Huwa żied jgħid li d-dewmien jimmina l-istess kredibilità fis-sistema ġudizzjarja u li għalhekk qed issir ħidma sabiex dan kollu jiġi eliminat. Is-Segretarju Parlamentari tenna li: “l-inkjesti maġisterjali se nżommuhom. Dan l-abbozz se jsaħħaħ id dawk l-individwi li jaslu biex iressqu rapport ġuramentat għand il-Kummissarju tal-Pulizija sabiex ikun jista’ jinvestiga”.
Enfasizza li d-dritt għall-inkjesta privata mhux se jintmiss u li jkun skorrett kull min jgħid li dan il-gvern qed jillimita d-dritt taċ-ċittadini tiegħu milli jitolbu inkjesta maġisterjali. Però saħaq li jrid ikun hemm limitazzjoni fl-abbuż sfaċċat minn tali inkjesti, abbuż imnebbaħ ħafna drabi minn vendetta personali, minn vendetta politika jew b’intenzjoni malizzjuża ta’ min irid jabbuża mis-sistema ġudizzjarja għall-iskop li jaf hu biss.
Bedingfield sostna wkoll li din ir-riforma qed tindirizza l-ftuħ tal-inkjesti frivoli u fiergħa u għamilha ċara li “ħadd ma jrid jieħu l-ebda dritt mingħand ħadd imma rridu li ma jkun hemm ħadd li jabbuża minn tali sitwazzjoni.”
B’żieda ma’ dan, huwa nnota illi f’dawn l-emendi qed ikun introdott mekkaniżmu fejn investigazzjoni għandha tiġi ssindakata f’ġieħ it-trasparenza waqt li tħalli l-investigaturi u l-ġudikanti fil-libertà li jinvestigaw. Dan filwaqt li “qed indaħħlu d-dritt li l-vittmi jistgħu jingħataw tagħrif dwar fiex waslet l-inkjesta.”