Thursday, December 26, 2024

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said b’laqgħat fil-Litwanja dwar is-sajd u l-ħarsien tal-annimali

Aqra wkoll

Bħala parti mid-delegazzjoni tal-President ta’ Malta f’żjara uffiċjali fil-Litwanja, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said kellha numru ta’ laqgħat fil-Litwanja dwar is-sajd u l-ħarsien tal-annimali. Dan bil-għan li jiġu diskussi l-isfidi komuni, kif ukoll il-possibilità ta’ kollaborazzjoni ikbar bejn iż-żewġ pajjiżi, fuq is-setturi tas-sajd u dak tal-ħarsien tal-annimali.

Is-Segretarju Parlamentari  Bugeja Said, flimkien mal-Ambaxxatur ta’ Malta għal-Litwanja Dr Alexander Scerri Herrera, iltaqgħu ma’ Vytautas Abukaoskas, il-Viċi Ministru tal-Litwanja responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali. Matul din il-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari tkellmet fuq il-ħidma li għaddejja mill-Gvern Malti favur l-annimali. Hija saħqet ukoll fuq il-bżonn li l-pajjiżi Ewropej jibqgħu jaħdmu flimkien, biex jixprunaw soluzzjonijiet varji għal sfidi komuni fost l-Istati Membri. Waqt il-laqgħa qabblu li jkun hemm aktar kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi favur il-ħarsien tal-annimali.

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said kellha laqgħa wkoll ma’ Donatas Dudutis, il-Viċi Ministru għas-Sajd fil-Litwanja. Matul din il-laqgħa tkellmu fuq il-politika komuni Ewropea għas-setturi tas-sajd u l-akwakultura u kif dawn is-setturi għandhom rwol importanti għas-sigurtà tal-ikel u l-aċċess lokali għall-ħut. Iż-żewġ pajjiżi tkellmu wkoll fuq l-effetti li l-pandemija tal-Covid kif ukoll il-gwerra tal-Ukrajna ħalliet fuq is-sajjieda u qabblu li għandu jkun hemm aktar kollaborazzjoni favur is-sigurtà tal-ikel kif ukoll viżjoni komuni għall-futur tas-sajd.

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said saħqet li dawn it-tip ta’ laqgħat huma importanti ferm u jwasslu għal aktar kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi għall-ġid tas-setturi konċernati.

Ekonomija

Sport