Sunday, November 17, 2024

Is-sitt edizzjoni ta’ Natalis Notabilis lura fit-toroq Rabtin

Aqra wkoll

Se tkun qed tittella’ s-sitt edizzjoni ta’ Natalis Notabilis is-suq tal-Milied fit-toroq Rabtin. B’edizzjoni itwal, mis-6 sal-15 ta’ Diċembru 2024, ir-Rabat se jilqa’ eluf ta’ viżitaturi u familji għal esperjenza unika fiċ-ċentru storiku ta’ din il-belt antika, b’atmosfera mimlija dawl, ħlewwiet, u mużika għal żmien il-Milied.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia tkellmet dwar kif din l-inizjattiva se tkun opportunità għall-NGOs biex juru l-proġetti tagħhom f’atmosfera li tiġbor in-nies flimkien, fejn ukoll jistgħu jgħinu jispiraw aktar nies jieħdu sehem attiv fil-volontarjat. “Natalis Notabilis mhux biss avveniment kulturali iżda pjattaforma fejn il-komunità tista’ tgħaqqad l-ispirtu tal-Milied mas-solidarjetà u l-kreattività. Din is-sena, diversi għaqdiet se jkunu qed jingħataw spazju biex jesebixxu x-xogħol tagħhom bla ħlas. Permezz ta’ din l-inizjattiva, Natalis Notabilis mhux biss se jkompli jgħin lill-ekonomija lokali u l-artiġjani, iżda se jagħti l-opportunità lill-għaqdiet volontarji sabiex jikkontribwixxu lejn is-soċjetà waqt li jżidu l-kuxjenza dwar il-kawżi tagħhom.”

Sandro Craus, is-Sindku tar-Rabat, esprima sodisfazzjon li l-attività Natalis Notabilis qed terġa’ tittella’. Huwa tenna kif din tagħti dehra festiva lit-toroq li huma wirt kulturali apprezzat ferm minn kulħadd.

Charlo Vassallo, f’isem l-għaqda organizzattiva, irringrazzja lill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat għall-għajnuna li kienet essenzjali għall-organizzazzjoni tal-attività. Huwa esprima sodisfazzjon għan-numru rekord ta’ applikazzjonijiet għal dan il-Villaġġ tal-Milied, li jkompli jinkoraġġihom fil-ħidma tagħhom.

B’aktar minn 90 bankarella, din is-sena Natalis Notabilis se jkun l-akbar edizzjoni s’issa. Dawk li jżuru l-villaġġ tal-Milied ikunu jistgħu jixtru prodotti artiġġjanali u ħelu tradizzjonali tal-Milied, jissoċjalizzaw mal-artisti li se joffru divertiment live, u jgawdu attrazzjonijiet ġodda. Attrazzjonijiet oħra jinkludu n-Nativity Trail fejn wieħed jista’ jgħix il-misteru tat-twelid ta’ Ġesù f’format awtentiku, kif ukoll attivitajiet li jkopru żfin u kunċerti live.

Din l-attività se tittella’ bis-sostenn tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat flimkien ma’ Visit Malta u b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tar-Rabat u r-Reġjun Punent.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport