Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Għalkemm ma ġejtx minn familja kbira ta’ dilettanti tal-futbol, niftakarni dejjem inħares il-logħob fuq it-TV u ninżel nilgħab il-ballun fil-pjazza ta’ San Ġwann. Bħala tfal, dik kienet l-ewwel forma ta’ passjoni lejn dan l-isport sabiħ.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ tal-U15s fin-nursery ta’ Mosta FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Mosta FC hija waħda pożittiva ħafna. Ilni erba’ snin mal-klabb – sentejn bħala assistant coach mal-U15s, sentejn oħra bħala head coach tal-istess kategorija, u din is-sena ħadt ħsieb ukoll it-tim tal-futsal U16. Mosta huwa klabb b’livell għoli ta’ coaching u għandu struttura organizzata mmexxija minn Johann Cilia u David Vella – żewġ kowċis dedikati li dejjem jappoġġjaw lil kull kowċ u tifel fil-klabb.
Huwa fatt magħruf li t-tim tal-kbar ta’ Mosta FC qed jutilizza bosta plejers prodotti tan-nursery tagħkom. X’inhu s-sigriet ta’ dan is-suċċess?
Nemmen li s-suċċess ta’ Mosta ġej mill-fatt li l-kowċis tat-tim tal-kbar jemmnu fit-tfal, u jagħtuhom ċans anke taħt pressjoni.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Il-livell tal-‘football grassroots’ f’Malta huwa tajjeb, speċjalment sa 11/12-il sena. It-tfal tagħna jkunu teknikament tajbin daqs tfal barra minn Malta. Madankollu, l-isfida tibda meta tfal jikbru, jidħlu f’etajiet sensittivi, u jkollhom pressjonijiet minn skola, familja, u affarijiet oħra. Ħafna jaqtgħu qalbhom jekk ma jilgħabux biżżejjed jew jekk ma jintgħażlux – u dan mhux għax mhumiex tajbin, imma għax il-kultura tagħna ma tinkoraġġix biżżejjed il-konsistenza u l-perseveranza.
Fil-kowċing ukoll rajna titjib kbir. Imma barra minn Malta, qed isiru żewġ passi meta aħna nagħmlu wieħed. Il-problema mhux li l-coach Malti mhux tajjeb, iżda li ħafna minnha naħdmu ‘full-time job’ ieħor u difiċli jilħqu l-istess livell ta’ preparazzjoni ta’ coach professjonali barra. Dan inevitabbilment jaffettwa wkoll lill-plejers tagħna.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Illum il-futbol inbidel – qed naraw aktar plejers b’fisika qawwija jaslu aktar, anke jekk mhux l-aktar tekniċi. Għalhekk huwa importanti li nsaħħu l-ħidma tagħna fuq L-aspetti ewlenin tal-iżvilupp tal-plejer, għax il-futbol qiegħed dejjem jevolvi u rridu nkunu lesti naddattaw.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
F’Mosta, hemm riżorsi u facilitjatiet tajbin daqs kwalunkwe tim ieħor professjonali. Imma biex il-livell tal-futbol f’Malta jitjieb globalment, hemm bżonn li kull nursery u klabb ikollhom l-infrastruttura u l-faċilitajiet tagħhom.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Rigward il-futur tiegħi, bħalissa nippreferi ngħix ġurnata b’ġurnata u nieħu kull opportunità kif tiġi. Il-ħolma tiegħi tibqa’ li xi darba nsir head coach ta’ nursery jew inwassal tim fil-Premier. nemmen li ż-żmien jiggwidani hu, u jekk nibqa’ naħdem b’passjoni u dedikazzjoni, dak li hu għalija żgur se jiġi.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ li nixtieq inwassal lil kull plejer żagħżugħ huwa li s-suċċess fil-futbol – bħall-isport kollu – ma jiġix mingħajr sagrifiċċji. M’għandekx taqta’ qalbek mal-ewwel ostaklu, u m’għandekx titlaq / tieqaf għax ma tkunx qed tilgħab. Jekk inti ta’ talent u b’mentalità tajba, il-ħidma u d-dedikazzjoni tiegħek se jiġu rikonoxxuti – u xi darba ċ-ċans se jasal żgur!