Isaac Asare ta’ 34 sena mill-Ghana iżda residenti l-Marsa, tressaq fil-Qorti mixli bil-qtil ta’ Miriam Azzopardi fil-Marsa.
Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn it-22 u t-23 ta’ Settembru li għadda.
Asare kien mixli wkoll li seraq il-mobile u oġġetti oħra, għad-detriment tal-vittma.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih iżda baqa’ jinżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-familjari tal-vittma.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Kurt Zahra, Wayne Camilleri u Miriam Lia.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Rachel Tua dehret għall-imputat.
L-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Matthew Xuereb dehru parte civile.
