Thursday, November 28, 2024

It-tfal iridu inqas karozzi fl-ibliet u aktar spazji miftuħa

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-parti l-kbira tat-tfal fl-età bejn it-8 u l-11-il sena jridu inqas karozzi u tniġġis u aktar indafa fil-lokalitajiet fejn jgħixu. Barra minn hekk, huma jridu wkoll aktar spazji miftuħa fejn ikunu jistgħu jirrikreaw anke b’attivitajiet sportivi.

Dan ħareġ minn studju li sar is-sena li għaddiet u li l-għan tiegħu huwa dak li jgħin lill-istakeholders kollha involuti sabiex ikollhom informazzjoni dwar x’iridu aktar it-tfal u l-adoloxxenti fl-ibliet u l-irħula tagħhom. B’kollox ipparteċipaw fih madwar 1,060 tfal u adoloxxenti. 

Dan l-istudju sar b’kollaborazzjoni bejn iċ-Ċentru għar-Reżiljenza u Saħħa Soċjo-Emozzjonali fl-Università ta’ Malta, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal u l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

Fost affarijiet oħra, l-istudju wera li kien hemm aktar tfal Maltin (72.5%) li indikaw li viċin ir-residenza tagħhom hemm ġnien, park jew spazju miftuħ u dan meta mqabbel mal-52.3% tal-parteċipanti li mhumiex Maltin li sostnew ukoll dan. 

Tfal mir-reġjun tal-Punent qalu li jippreferu jmorru f’żoni rikreattivi ħodor bil-mixi aktar frekwenti minn dawk li jgħixu f’reġjuni oħra (63.9% meta mqabbel mat-32.4% ta’ dawk li joqogħdu fir-reġjun tat-Tramuntana). Jirriżulta li hemm aktar bniet milli subien li jħobbu jmorru f’dawn iż-żoni bil-mixi.

Intant, filwaqt li 14.1% tas-subien u 7.1% tal-bniet qalu li ma jimxux jew isuqu r-rota fil-lokalità fejn jgħixu, 27.8% tas-subien u 28.8% tal-bniet iddikjaraw li jagħmlu dan b’mod frekwenti jew dejjem. 

Meta t-tfal ġew mistoqsija fejn iħobbu jilagħbu l-aktar, il-maġġoranza wieġbu f’bandli jew fi ġnien pubbliku. Minn dan l-istudju ħareġ ukoll illi t-tfal iridu jaraw aktar titjib f’dik li hija sigurtà fil-lokalità tagħhom, djar isbaħ, iżjed rispett lejn xulxin u li ma jkunx hemm ibbuljar.

L-istudju jħares ukoll lejn adoloxxenti fl-età ta’ bejn it-12 u s-16-il sena. Madwar 40% tal-adoloxxenti ddikjaraw li għandhom biżżejjed spazji fejn jilagħbu filwaqt li 30% qalu li m’għandhomx. Aktar tfajliet milli ġuvintur irrapportaw li jippreferu jmorru bil-mixi f’postijiet fejn ikunu jistgħu jilagħbu. 

Ftit aktar minn 52% tal-adoloxxenti jemmnu li għandhom spazji adekwati fejn jistgħu jiltaqgħu u jqattgħu l-ħin tagħhom ma’ sħabhom, iżda 42% wieġbu li m’għandhomx jew li għandhom ftit spazji biex jagħmlu dan. L-aktar li qalu li għandhom biżżejjed spazji fejn jiltaqgħu ma’ sħabhom kienu l-adoloxxenti Għawdxin. 

Dawn id-dettalji ngħataw mill-Prof. Carmel Cefai miċ-Ċentru għar-Reżiljenza u Saħħa Soċjo-Emozzjonali fl-Università ta’ Malta waqt konferenza li preżenti għaliha kien hemm ukoll il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, il-Kummissarju tat-Tfal Pauline Miceli u l-Kap Eżekuttiv tal-ERA, il-Perit Michelle Piccinino. 

Sport