Tuesday, April 30, 2024

“It-tneħħija ta’ pajjiżna mil-lista l-griża tista’ jgħin biex is-settur tas-servizzi finanzjarji jerġa’ jikber”

Il-Prof. Philip von Brockdorff

Aqra wkoll

Il-Prof. Philip von Brockdorff, Viċi Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, Accountancy u Management, f’kummenti li ta lil dan is-sit qal li huwa tajjeb li l-ewwel nett nistennew il-konferma uffiċjali li Malta tneħħiet mil-lista l-griza mill-FATF. 

“Hu minnu però li l-indikazzjonijiet huma pożittivi u jekk nassumu li dak li ħareġ fil-midja jkun konfermat dan ikun riżultat tal-isforzi biex insaħħu l-istituzzjonijiet li jirregolaw is-settur tas-servizzi finanzjarji kif ukoll ir-rieda politika biex dan iseħħ b’suċċess,” qal Dr Brockdorff.

Il-Prof. Philip von Brockdorff

Huwa qal li dan l-iżvilupp jasal f’mument fejn l-ekonomija qed tirkupra b’mod b’saħħtu wara aktar minn sentejn ta’ pandemija u minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-gwerra fl-Ukrajna. Qal li t-tneħħija ta’ pajjiżna mil-lista l-griża jista’ jgħin biex (a) is-settur tas-servizzi finanzjarji jerġa’ jikber u jinvesti aktar fuq prodotti ġodda inkluż servizzi digitali; (b) azjendi lokali jitħajru aktar joħorġu ‘bonds’ u ishma fuq is-suq lokali biex jiffinanzjaw investiment; (c) tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta fis-settur tas-servizzi finanzjarji u bħala ċentru ta’ azjendi fis-settur tal-igaming; u (d) nkomplu nattiraw investiment lejn pajjiżna f’setturi ekonomiċi li jgħin inkomplu nżidu l-produttività u l-valur miżjud fl-ekonomija. 

“Naturalment, biex dan kollu jseħħ irridu nkomplu naħdmu biex Malta ma tistrieħx fuq dan l-iżvilupp pożittiv iżda niżguraw li l-isforzi li saru f’dawn l-aħħar xhur ikomplu għaddejin bla waqfien,” temm jgħid Dr von Brockdorff.

Sport