Saturday, December 21, 2024

Jack Nicholson jagħlaq 83 sena

Aqra wkoll

Minn MARIO AZZOPARDI

Illum hu għeluq snin Jack Nicholson.  Twieled 83 sena ilu.  Iddebutta quddiem il-kamera aktar minn sittin sena ilu.  Imma issa ilna disa’ snin ma’ narawh fuq l-iskrin.  Hawn Malta, l-aħħar film ta’ Jack Nicholson kien ħareġ fil-bidu ta’ Frar 2011 u kien jismu “How Do You Know”.

Dan kien ir-raba’ film ta’ Jack Nicholson mad-direttur James L. Brooks fejn għal tnejn minnhom, “Terms of Endearment” u “As Good As It Gets” ġab suċċess fl- Oscars għal Nicholson.  F’“How Do You Know”, Brooks ma tantx kien ta spazju lil Nicholson fejn jimraħ.  Imma Nicholson jibqa’ Nicholson u anke fejn mhemmx ħafna spazju għalih, xorta joħroġ b’xi waħda tajba.

Jekk wieħed kellu jagħti daqqa t’għajn lejn il-filmografija ta’ dan l-attur, wieħed jinnota li minn wara “As Good As It Gets” (li hawn Malta rajnih f’Mejju 1998), il-preżenza ta’ Nicholson fuq l-iskrin ma baqgħetx konsistenti bħal qabel.  Wara dan il-film kellna nistennew sa Jannar 2001 biex narawh f’“The Pledge”.   Imbagħad wara “Something’s Gotta to Give” li rajna fi Frar tal-2004 domna sa Ottubru tal-2006 biex erġajna rajnih f’“The Departed”.

Anke fl-Oscars, il-preżenza ta’ Jack Nicholson, dejjem prominenti fl-ewwel filliera quddiem il-palk, bdiet tisparixxi.

Din in-nuqqas ta’ frekwenza quddiem il-kamera ġabet magħha l-ispekulazzjonijiet.  Kien hemm min allega li tant kien diżappuntat b’“How Do You Know”, li ħass li għandu jirtira għal kollox.  Oħrajn allegaw li Jack Nicholson sar jinsa wisq u m’għadux kapaċi jiftakar il-linji tiegħu.

Sentejn ilu, Jack Nicholson ried ixejjen dawn l-allegazzjonijiet u ħabbar li beħsiebu jirritorna quddiem il-kamera fir-remake tal-kummiedja drammatika Ġermaniża “Toni Erdman” li fl-2017 kienet innominata għall-Oscar għall-Aħjar Film mhux bil-Lingwa Ingliża.  Kollox kien lest biex il-produzzjoni tibda imma fl-aħħar mumenti, Jack Nicholson reġa’ lura minn kellmtu.

Jack Nicholson fil-film cult “The Shining”

Kien hemm produzzjonijiet oħra fejn Nicholson l-ewwel deher li jgħidilhom “iva” imbagħad qalilhom “le”.  Fost dawn hemm “The Judge” bil-parti tiegħu ħadha imbagħad Robert Duvall u l-film bijografiku “42” fejn il-parti imbagħad marret għand Harrison Ford.  Warren Beatty għamel minn kollox biex jikonvinċi lil Nicholson għall-film bijografiku dwar Howard Hughes, “Rules Don’t Apply”.  Beatty ma kkonvinċihx.  Anke offrewlu l-parti fid-drama komika “Nebraska”.  Daħal minflok Bruce Dern.  Il-film ġie nnominat għal sitt Oscars, waħda minnhom għal Bruce Dern.

Biex ngħidu kollox, Jack Nicholson irrifjuta bosta partijiet ġo films ewlenin matul il-karriera tiegħu.  Biżżejjed insemmu li Nicholson irrifjuta partijiet ewlenin f’“The Godfather” u f’“Close Encounters of the Third Kind”.

Imma minkejja kollox, anke jekk Jack Nicholson ma jaħdem ebda parti oħra, dan l-attur m’għandu bżonn jagħmel ebda comeback biex jikkonvinċina bit-talenti kbar tiegħu.  Tul il-karriera brillanti, huwa rebaħ tliet Oscars (“One Flew Over the Cuckoo’s Nest”, “Terms of Endearment” u “As Good As It Gets”), u ġie nnominat b’kollox 12-il darba.  Ebda attur ieħor ma kien innominat daqshekk.  Hemm kurżita nteressanti  marbuta ma’ Jack Nicholson.  Kull darba li rebaħ Oscar, l-attriċi fil-parti prinċipali li dehret miegħu rebħet Oscar ukoll.

Imma apparti l-unuri personali, Jack Nicholson ħadem ma’ l-akbar direttur, ma’ l-aqwa atturi u tagħna diversi kapulavuri f’ġeneri differenti ta’ films.  Liema hu l-aqwa film tiegħu?  Impossibbli ssemmi wieħed.  Apparti dawk kollha msemmija f’dan l-artiklu, ma nixtieqx inħalli barra mingħajr ma nsemmi “Chinatown”, “Easy Rider” u “Batman”.  Hemm tnejn oħra, li apparti l-wirja fenominali tiegħu, baqgħu magħrufa għal famużi frażijiet li jgħid.  Waħda hi “Here’s Johnny” f’“The Shining” meta Jack Torrance ikisser bil-mannara l-bieb tal-kamra tal-banju fejn ikun hemm Wendy (Shelley Duvall) maqfula u tterroriżżata.

L-oħra hi “You can’t handle the truth” f’“A Few Good Men” meta il-Kurunell Nathan R. Jessep ikun fuq il-pedana tax-xhieda fil-qorti militari u jwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Logutenent Daniel Kaffee (Tom Cruise).

Jack Nicholson hu wieħed mill-akbar atturi fl-istorja taċ-ċinema.

Ekonomija

Sport