Sunday, November 24, 2024

Jammetti li ħa mal-€20,000 f’benefiċċji soċjali mhux dovuti lilu

… jeħel sentenza sospiża

Aqra wkoll

Raġel ta’ 56 sena ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati, fuq ammissjoni tiegħu stess, li ffalsifika diversi dokumenti li permezz tagħhom ħa kważi €20,000 f’pagamenti.

Huwa ġie ordnat ukoll iħallas l-ammont pendenti tas-somma li kien irċieva f’benefiċċji.

Mario Demicoli, minn Ħal Qormi u residenti l-Pietà, ġie mixli li bejn Jannar 2020 u Ġunju 2023 iffalsifika għadd ta’ dokumenti li permezz tagħhom ħa iktar minn €19,000 f’pagamenti ta’ benefiċċji soċjali. Huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Qorti semgħet lil Martin Buhagiar, Assistent Direttur tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, li ddikjara illi l-imputat ħa s-somma ta’ €19,281.50 b’qerq għad-detriment tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. L-imputat qal li huwa jinsab dispost iħallas l-ammont kollu permezz ta’ ripagamenti ta’ €500 fix-xahar.

Fis-seduta tat-12 t’Ottubru, l-imputat qal li kien intlaħaq ftehim formali u li min-naħa tiegħu diġà għamel l-ewwel pagament ta’ €500 u li għalhekk il-bilanċ dovut hu ta’ €18,781.50.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, ikkunsidrat fost l-oħrajn il-gravità tar-reati li qiegħed jinstab ħati tagħhom l-imputat u l-ammont sostanzjali li nkiseb mill-imputat b’riżultat tal-kommissjoni ta’ dawn ir-reati.

Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fedina penali tal-imputat mhux daqstant nadifa kif ukoll l-ammissjoni bikrija tiegħu. Qieset ukoll il-fatt li ntlaħaq ftehim formali bejn il-partijiet dwar il-ħlas tal-ammont dovut u li diġà bdew isiru r-ripagamenti skont kif maqbul fl-istess ftehim.

Għalhekk, huwa ngħata sentenza sospiża u ġie ordnat iħallas is-somma ta’ €18,781.50 lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Wayne Rodney Borg u Andy Rotin.

Sport