Saturday, December 21, 2024

Jammetti li illegalment assista barranin biex jgħixu hawn

Aqra wkoll

Anthony Attard ta’ 47 sena mis-Siġġiewi ngħata sentenza sospiża ta’ ħabs wara li tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li assista persuni minn pajjiżi terzi biex jgħixu f’pajjiżna illegalment u dan billi kien jagħmel dikjarazzjonijiet foloz li saru lill-awtoritajiet.

Attard tressaq il-Qorti b’rabta ma’ investigazzjonijiet li qegħdin isiru dwar ħruġ ta’ permessi ta’ residenzi.

Il-Prosekuzzjoni li kienet immexxija mill-Ispettur Karl Roberts qalet li fil-jiem ligaħddew kienu ġew arrestati diversi persuni kollha b’rabta ma’ kuntratti tal-kera foloz biex b’mod illegali jaġevolaw persuni li jkunu ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea.

L-Ispettur qal li wieħed mill-imħuħ f’dan il-każ ħadem mal-akkużat fejn instab li fuq l-indirizz personali tal-istess akkużat kien hemm numru ta’ persuni barranin irreġistrati li jgħixu hemm.

Jirriżulta li kien hemm mill-inqas 9 persuni barranin irreġistrati fuq ir-residenza tiegħu, bl-iskop li jkunu jistgħu jakkwistaw il-permess biex jgħixu f’Malta.

Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia sar magħruf li l-akkużat kien waħħal xi letterboxes b’isem dawn il-persuni individwali, li suppost kienu qed joqogħdu hemm, biex kull korrispondenza għalihom minn Identità tkun tista’ tintefa’ fihom.

Il-Prosekuzzjoni qalet li s-suspettat ewlieni f’dan il-każ wassalhom biex jitkellmu ma’ Attard li wara li nħareġ mandat ta’ arrest anke ġie arrestat.

Attard ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija u bix-xhieda tiegħu se tkun kruċjali f’dan il-każ. Fi żmien li ġej se jitressaq is-suspettat ewlieni f’dan iċ-ċirku kriminali.

Kienet il-Prosekuzzjoni li talbet għal sentenza sospiża. Il-Maġistrat wara li semgħet il-każ, fuq ammissjoni tiegħu stess sabet lil Attard ħati u kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin.

Ekonomija

Sport