Friday, May 3, 2024

“Jekk il-pubbliku ma jikkoperax il-200 sodda fl-ITU jistgħu ma jkunux biżżejjed” – Il-Ministru Chris Fearne

Aqra wkoll

Helpline ġdid b’għajnuna psikoloġika

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet ħabbar li fl-aħħar sigħat kien hemm 52 każ ġdid ta’ persuni li rriżultaw pożittivi u li fost dawn hemm erba’ persuni li huma Għawdxin. Fearne spjega li minkejja li n-numru jidher pjuttost kbir, dan kien mistenni u li ttardja bi ftit ġranet grazzi għall-miżuri li ttieħdu u li qed jiġu mħarsa b’serjetà. Qal li l-curve qiegħda titla skont kif previst mill-awtoritajiet tas-saħħa u li dan l-ammont ta’ persuni li jirriżultaw pożittivi mhijiex xi ħaġa li ma kinitx mistennija.

Minkejja li sostna li s-sorpriża mhux dan in-numru, iżda li dan in-numru ttardja sal-lum, Fearne għamilha ċara li din hija kwistjoni ta’ ċertu żmien u li kollox jiddependi mid-dixxipplina tal-poplu Malti u Għawdxi kollu bħala nazzjon. Rigward dan, huwa qal li sodisfatt bil-koperazzjoni tas-sidien tan-negozji li kienu ordnati jagħlqu bħala prekawzjoni biex jonqos it-tixrid tal-virus.

Huwa appella lil min iħaddem biex kemm jista’ jkun nies li huma kapaċi u jistgħu jaħdmu mid-dar jagħmlu dan biex jitnaqqas il-kuntatt. Qal li l-kuntatt huwa l-aktar mod riskjuż ta’ kif dan il-virus jiġi trasmess minn persuna għall-oħra.

“Helpline ġdid għal dawk li qed ibatu psikoloġikament ġewwa djarhom”

Chris Fearne

Tkellem dwar is-servizz tal-linja 1770 għal dawk il-persuni li qed ibatu bi problemi mentali. Spjega li dan is-servizz se jkun qed jaħdem mit-8:00 a.m sat-8:00 p.m għal-lum u għada u mill-Ħamis jibda jaħdem 24 siegħa kuljum. Fearne mill-ġdid appella biex dan is-servizz jintuża minn dawk li verament qed isofru biex b’hekk kemm jista’ jkun tinżamm kontrollata s-sitwazzjoni

“Qegħdin inżidu t-testijiet biex naqbdu lil dawk infettati kmieni kemm nistgħu”

Charmaine Gauci

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li kemm jista’ jkun qed jiżdiedu l-iswab tests biex dawk infettati jinqabdu kemm jista’ jkun kmieni.

Mit-52 kien hemm 12 li ħarġu matul il-ġurnata u dawk inħadmu u minnhom kien hemm sitt nisa u sitt irġiel li rriżultaw pożittivi. Dawk infettati huma disa’ Maltin, tnejn Indjani u raġel mis-Somalja li jgħix fil-komunità. Dawn kollha ġew investigati u kien hemm minnhom li kellhom is-sintomi u oħrajn li kienu intraċċati qabel minn contact tracing.

Id-39 każ l-oħra s’issa hemm 19 huma nisa u l-oħrajn huma rġiel. Minn dawn hemm 37 li huma Maltin fosthom tlieta Għawdxin u tnejn oħra li huma barranin iżda mhumiex immigranti.

Charmaine Gauci qalet li minn fost dawn l-aħħar persuni kien hemm anzjana f’dar tal-anzjani. Din il-persuna tpoġġiet f’iżolament u n-nies f’kuntatt jiġu ttestjati u kwarantinati biex ma jkunx hemm aktar kuntatt. Barra minn hekk isir contact tracing tal-istaff li seta’ kellu kuntatt mal-persuna. Spjegat li hawnwhekk għandek sitwazzjoni ta’ numru ta’ persuni vulnerabbli li qegħdin flimkien. Qalet li minkejja dan id-djar tal-anjzani kemm privati u kif ukoll tal-gvern ħadu l-miżuri neċessarji biex jiġu evitati sitwazzjonijiet simili.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għas-Saħħa spjega mill-ġdid li f’Mater Dei sa xahar u nofs ilu kien hemm 20 sodda fl-ITU, dawn telgħu għal 125 u jinsabu fi proċess biex dawn jitilgħu għal 200. F’Għawdex dawn tilgħin għal 20 mis-seba’ sodod li kien hemm. Qal li meta jitkellem dwar sodod ikun qed jinkorpora l-ventilaturi u professjonisti li jafu jagħtu l-kura

Kien hawnhekk li Fearne għamilha ċara li jekk il-pubbliku ma jikkoperax u ma joqgħodx għas-suġġerimenti tas-saħħa pubblika u l-curve ma tinżammx kostanti jista’ jkun li dawn is-sodod ma jkunux biżżejjed. Saħaq li d-dixxiplina hija meħtieġa minn kull persuna f’Malta u Għawdex.

Sport