Spiss meta persuna tmur xi vaganza jew xi post differenti minn tas-soltu, tieħu xi ritratti u ttellgħu fuq il-midja soċjali. Minkejja li dan ma jsirx b’intenzjoni ħażina, sempliċement biex turi li qed tieħu gost, dan il-ġest żgħir jaf ikollu konsegwenzi koroh. Dan peress li jaf ikun hemm persuni li jieħdu gost b’dawn ir-ritratti għax ifisser li d-dar tkun vojta.
Fl-aħħar sigħat, is-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi qasam avviż importanti f’dan ir-rigward biex dak li jkun joqgħod iktar kawt meta jtella’ xi ritratt fuq il-midja soċjali meta jkun barra.
Permezz ta’ messaġġ fuq il-profil tiegħu, Azzopardi qal: “Jekk se ssiefer, ittellax ritratti fuq Facebook dakinhar stess, jew waqt il-vaganza. Jekk is-Sibt jew il-Ħadd tmur bid-dgħajsa, titfax ritratt u tagħtix informazzjoni żejda. Aħseb qabel tippubblika ritratt għax ma tafx min qed jaqra dak li ktibt u jista’ jkun li meta int tifraħ bir-ritratt li tellajt, ħaddiehor jifraħ li darek tinsab waħedha.”
Azzopardi qal ukoll biex anke l-anzjani joqgħodu attenti biex ma jagħtux informazzjoni żejda fejn marru. “M’hemmx għalfejn it-triq kollha taf li Ġanna marret il-belt, jew il-knisja jew għand it-tfa. Ejjew inħaddmu moħħna għax ma nafux min iħobbna u min jobgħodna.”