Wednesday, March 27, 2024

Jekk titħarreġ bl-aħjar mod possibbli se jirnexxielek tasal fejn tixtieq

Susan Borg

Aqra wkoll

Susan Borg għandha 52 sena u tipprattika l-bodybuilding jew kif inhu magħruf il-body fitness. Ftit tal-ġranet ilu, Borg kienet fl-aħbarijiet hekk kif ħadet sehem f’kompetizzjoni internazzjonali fejn saħansitra rebħet il-kategorija tagħha filwaqt li kisbet ukoll il-Pro card. Dan kien suċċess personali għaliha kif irrakkuntat hi stess mal-mikrofonu ta’ talk.mt.

“Il-Pro Card hu tragward ferm prestiġjuż għalija minħabba li qed nitkellmu fuq livell ferm għoli. Jien irnexxieli nilħaq dan kollu u verament waqt li qed inkellmek inħossni onorata li mhux biss ġibt dan l-unur għalija personali iżda wkoll għal pajjiżi li tant inħobb.”

Susan tgħidilna ħadmet qatigħ sabiex tkun fl-aħjar forma possibbli għal dan l-avveniment. Hi rnexxielha taqleb ukoll l-istatus tagħha hekk kif minn atleta amateur, issa hi rikonoxxuta bħala waħda professjonali.

Hi ssostni li dan il-vjaġġ sabiex taqleb din il-kategorija ma kien xejn faċli minħabba diversi episodji li ġraw f’ħajjitha.

“Ma bqajtx nitħarreġ b’mod regolari f’dawn l-aħħar snin apparti li biddilt ix-xogħol u għalhekk ikun hemm ftit transizzjoni għal dan kollu. Madankollu jien qatt ma qtajt qalbi u dejjem stinkajt u rsistejt sabiex wasalt fejn wasalt. Litteralment bdejt naqdef kontra l-kurrent iżda rnexxieli nasal fejn nixtieq.”

Tlabna lil Susan Borg tgħidilna kif bdiet l-imħabba tagħha lejn il-body fitness.

“Nista’ ngħid li minn dejjem kont inħobb il-body building. Kelli dawk il-15-il sena u jien kien jafaxxinani diġa’ dan l-isport kull meta mort xi avveniment jew inkella rajtu fuq it-televiżjoni. Ix-xewqa tiegħi kien dak li nipprattikah għalkemm dak iż-żmien xejn ma kienet faċli li tagħmel dan.”

“Niftakar li meta kelli 30 sena kont isseparajt u ridt naqbad xi ħaġa li verament inħobb. U hawn kien il-mument li nagħti aktar impenn lejn il-body fitness. Bdejt nikkompeti u komplejt niżviluppa l-ħiliet tiegħi f’din id-dixxiplina. Inħares lura verament ma jiddispjaċinix minn dak li għaddejt minnu sa ma wasalt hawnhekk.”

Saqsejna lil Susan dwar il-fatt li xi kultant meta n-nisa jipprattikaw dan it-tip ta’ sport, għad fadal ftit preġudizzji fuqha. Iżda kemm hu veru dan kollu?

“Illum m’għadux il-każ. Fl-antik iva niftakar ħafna li konna biss jien u oħra nipprattikaw il-body building. Nirringrazzja lill-Bambin, illum kulħadd qed iħoss il-ħtieġa li jitħarreġ u hawn għarfien kbir li kulħadd jagħti kas tad-dehra tiegħu. Għalhekk dak il-famuż taboo ta’ għoxrin jew tletin sena ilu spiċċa għalkollox.”

Iżda Susan Borg kif tipprepara fiżikament u mentalment qabel kull kompetizzjoni?

“Ejja ngħidu li iktar faċli tipprepara fiżikament aktar milli mentalment qabel xi kompetizzjoni partikolari. Għandi ċertu reġim jew fi ftit kliem dieta li rrid insegwi xhur qabel sabiex inkun fl-aħjar forma fiżika possibbli. Ovvjament trid tkun ġo fik li tieħu ħsieb tiegħek innifsek u tara li tkun tajba.”

“Madankollu ngħid li mhux faċli tipprepara ruħek mentalment minħabba li d-dieta li trid tkun stretta ħafna. Mhux faċli jkollok xi platt quddiemek u int trid toqgħod lura milli tiekol jew issajjar ċerti affarijiet. Għandek din id-dieta li trid tosserva u qed ngħidlek mhux faċli żżomm lura. Minkejja kollox, meta tkun taf fejn trid tasal u tieħu r-riżultati, ċertament li jkollok sens ta’ sodisfazzjon.”

Susan qalet li kull darba li tkun qed tikkompeti għal Malta tħossha onorata partikolarment meta ġġorr il-bandiera magħha wara l-kompetizzjoni. Meta jkun hemm xi unur dan l-istess sodisfazzjon jikber aktar u aktar.

Saqsejna lil Susan dwar kif qed tara l-futur tagħha f’dan l-isport.

“Bħalissa qed inħares lejn seba’ ġimgħat oħra fejn se nkun qed nikkompeti fil-kampjonati tal-Mediterran organizzati mill-IFBB. Dawn se jsiru f’Malta u għalhekk ninsabu ferm ixxurtjati li m’għandniex għalfejn insiefru sabiex nipparteċipaw.”

“Minkejja kollox, din se tkun kompetizzjoni ta’ livell għoli u għalhekk irridu nieħduha bis-serjeta’ kollha possibbli daqs l-oħrajn.”

Insaqsu wkoll lil Susan dwar x’inhu s-sigriet tas-suċċess tagħha.

“L-ewwel u qabel kollox trid tkun ferm konsistenti f’dak li tagħmel. Jien dejjem żammejt il-konsistenza għax jekk titraskura xi ftit, faċli titlef kollox.”

Hi tgħid ukoll li tagħmel differenza kbira kif tmur man-nies. Peress li hi nutritionist, Susan tiltaqa’ ma’ ħafna nies u għalhekk meta persuna tkun ġentili magħhom, edukata u tismagħhom, hi tkun qed tirbaħ il-fiduċja tagħhom. L-istess ħaġa tiġri waqt kompetizzjoni. Meta bniedma tkun ġenwina, qed tirbaħ il-fiduċja ta’ kulħadd.

Finalment tlabna lil Susan sabiex tgħaddilna messaġġ lil dawk l-individwi li huma interessati jagħmlu karriera fil-bodybuilding jew bikini fitness.

“L-ewwel ħaġa qatt m’għandek taqta’ qalbek. Il-bidu qatt m’hu faċli apparti li hemm ċerti sagrifiċċji li trid tagħmel filwaqt li żżomm dixxiplina fuqek innifsek. Eventwalment dan se jgħinek fil-ħajja tiegħek għax ikollok dixxiplina u tkun lest tagħmel sagrifiċċju.”

“Barra minn hekk, jekk titħarreġ bl-aħjar mod possibbli se jirnexxielek tasal fejn tixtieq.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, minn hawnhekk, nixtieq nirringrazzja minn qalbi lill-president ta’ IFBB Malta, Ralph Decelis, tal-opportunitajiet varji li jagħti lill-atleti Maltin.”

Ekonomija

Sport