Sunday, December 22, 2024

Jibdew jitqassmu l-vouchers għal min adotta annimal domestiku mill-Animal Welfare

Aqra wkoll

L-iskema mnedija s-sena li għaddiet, Adopt a Pet Scheme, rat numru ta’ persuni u familji li adottaw annimal domestiku mid-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali (Animal Welfare). Wara perjodu ta’ monitoraġġ minn membri fi ħdan id-dipartiment sabiex jiżguraw li l-annimal adottat jinsab f’qagħda tajba wara l-adozzjoni, issa bdew jitqassmu vouchers ta’ €70 għal dawk li adottaw, sabiex jintużaw għal kura veterinarja.

Dan ħabbritu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, waqt konferenza tal-aħbarijiet. Hija sostniet il-bżonn li aktar nies jagħżlu li jadottaw annimali domestiċi, biex b’hekk jipprovdu kenn u mħabba għal dawn l-annimali li ħafna minnhom sfaw abbandunati. “Dan il-voucher li qegħdin nagħtu llum huwa ġest ta’ ringrazzjament għal dawk in-nies li għażlu li jadottaw dawn l-annimali domestiċi,” qalet is-Segretarju Parlamentari.

Hija żiedet tgħid li l-Gvern se jkompli jagħti l-għajnuna tiegħu u jinċentiva lil dawk li jieħdu ħsieb l-annimali. “Se nkomplu nkunu l-vuċi tal-annimali u nħarsu d-drittijiet tagħhom. Kull min jagħti sostenn lill-annimali, se nkunu qegħdin ninċentivawh permezz ta’ diversi skemi bħal din u oħrajn li se jiġu mnedija fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin,” qalet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Is-Segretarju Parlamentari temmet id-diskors tagħha billi rringrazzjat lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali tax-xogħol siewi li jagħmlu fil-komunità għall-ħarsien tal-annimali.

 Id-Direttur tad-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, Joseph John Vella, qal li d-dipartiment qed ikompli bil-ħidma sabiex jipproteġi lill-annimali, b’mod partikolari dawk li sfortunatament jiġu abbandunati. Għaldaqstant huwa ħeġġeġ li aktar nies jadottaw dawn l-annimali billi jmorru l-Għammieri jew jidħlu fuq is-sit adoptapet.gov.mt.

Ekonomija

Sport