Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet intlagħbu erba’ finali tal-beach soccer organizzati mid-dipartiment tal-Futsal u l-Beach Soccer fi ħdan l-MFA fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa.
Floriana FC rebħu l-kampjonat ta’ taħt is-17-il sena tas-subien meta ddominaw lil Marsaskala tant li rebħulhom 11-2.
Fil-kategorija ta’ taħt il-15-il sena, kienu Marsaskala li wrew l-aħjar logħob fil-finali kontra Naxxar Lions filwaqt li għelbuhom 8-2.
Min-naħa l-oħra, MWFA rebħu l-kampjonat tan-nisa meta fil-finali għelbu lil Mtarfa 10-4.
Finalment, il-kampjonat femminili ta’ taħt is-17-il sena kienu Hibernians li kisbu s-suċċess wara rebħa ta’ 3-1 kontra Mtarfa.
Fi tmiem dawn il-konfronti, id-direttur fi ħdan l-MFA tal-Futsal u Beach Soccer Mark Marlow qassam it-trofej u l-midalji lir-rebbieħa.