Sunday, December 22, 2024

Jingħata xogħol fil-komunità wara li kellu relazzjoni sesswali ma’ tfajla taħt is-16-il sena

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 24 sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin kif ukoll ġie ordnat biex jagħmel 40 siegħa xogħol fil-komunità wara li nstab ħati li kellu relazjoni sesswali ma’ tfajla taħt is-16-il sena.

Fil-Qorti, il-Pulizija qalu li f’Ġunju tal-2019 kienet irċeviet rapport mingħand psikoloġista forensika fl-Aġenzija Appoġġ fis-sezzjoni tal-protezzjoni tat-tfal. Sar magħruf ukoll li kien hemm tfajla ta’ 15-il sena li wara li kellha relazzjoni sesswali ma’ ġuvni ta’ 21 sena kienet ħarġet tqila, iżda kienet korriet.

Il-psikoloġista fir-rapport qalet li t-tfajliet bdiet tfalli l-iskola u hekk kif il-pulizija komplew jinvestigaw il-każ irriżulta li l-akkużat u t-tfajla kienu jgħixu fir-residenza ta’ omm il-minuri.

Il-Prosekuzzjoni qalet li kienet tkellmet mal-ġuvni u kien qallhom li kien qiegħed f’relazzjoni mat-tfajla, iżda kienu għaddejjin minn żmien mhux daqshekk stabbli. Kien sostna li hu m’għandux tarbija minn tagħha, iżda kienet ħarġet tqila u korriet. Il-ġuvni kien ammetta li kienet inqabdet tqila meta kellha 15-il sena u kien beda jkollhom x’jaqsmu flimkien xi erba’ xhur wara li bdew ir-relazzjoni.

Fil-Qorti ħareġ li l-guvni kien jagħmel użu mill-kannabis u qatt ma ngħata l-għajnuna minħabba dan il-vizzu.

Meta ġiet biex tixhed it-tfajla, qalet li hija għadha f’relazzjoni mal-ġuvni u kienet qed titlob lil Qorti biex twaqqa’ l-akkużi kontrih.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li ma hemm l-ebda dubju li r-relazzjoni sesswali kienet waħda kunsenswali mingħajr ebda abbuż.

Qieset il-fatt li t-tfajla kien baqalha xahrejn biex tagħlaq 16-il sena u bejnithom kien hemm differenza ta’ sitt snin. Il-Qorti qieset ukoll li l-parametri tal-età u tal-maturità hija waħda aċċettabbli u għalhekk ma kinitx se tagħti piena ta’ ħabs.

Il-Qorti wara li sabet lil ġuvni ħati tal-akkużi poġġietu taħt ordni ta probation għal tliet snin u jagħmel 40 siegħa ta’ servizz fil-komunità.

L-Avukat Matthew Xuereb deher għall-akkużat.

Ekonomija

Sport