Friday, April 19, 2024

Jinħatar kumitat ta’ esperti dwar is-settur tal-midja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara xhur ta’ konsultazzjoni mal-partijiet involuti, il-Gvern qiegħed jilqa’ din ir-rakkomandazzjoni tal-Bord tal-Inkjesta b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u għalhekk qiegħed iwaqqaf Kumitat ta’ Esperti dwar is-Settur tal-Midja, kompost mill-eks Imħallef Michael Mallia (Chairman), is-Sur Matthew Xuereb, is-Sur Kurt Sansone, il-Professur Carmen Sammut, l-Avukat Kevin Dingli, is-Sur Saviour Balzan, is-Sur Neil Camilleri u l-Professur Saviour Formosa.

Ir-rakkomandazzjonijiet li jasal għalihom il-Kumitat ta’ Esperti għandhom jiġu mgħoddija lill-Prim Ministru, li min-naħa tiegħu għandu jqiegħed kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rapprezentanti fi zmien għaxart ijiem minn meta jircevih.

Il-Kumitat ta’ Esperti għandu, mingħajr preġudizzju għat-twettiq xieraq ta’ dan l-inkarigu, jaħdem bil-għan li jikkonkludi l-inkarigu tiegħu fi żmien sena mil-lum.

Intant fl-istqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ntqal li wara proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa, se jkunu qegħdin isiru  numru ta’ emendi li jipproteġi lill-ġurnalisti.

Fost dawn l-emendi maħsubin li jħarsu l-interessi tal-ġurnalisti hemm dawk li jitrattaw il-malafama u li l-Qorti f’kawżi fejn l-awtur jew l-editur jilħaq imut waqt il-proċeduri, m’għandhiex tagħti danni kontra l-eredi tal-awtur jew l-editur mejjet.

Emenda oħra se tara ż-żieda fil-piena għal reat imwettaq fuq il-persuna ta’ kull min hu ġurnalist f’każ li r-reat isir minħabba li din il-persuna tkun wettqet il-funzjoni ta’ ġurnalist.

Dawn u emendi oħra huma maħsubin li jżidu l-protezzjoni tal-midja u tal-ġurnalisti għall-aħjar twettiq tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni f’soċjetà demokratika.

Sport