Saturday, December 28, 2024

Jissoktaw ix-xogħlijiet f’Wied il-Qlejgħa

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fi proġetti ta’ restawr ekoloġiku u rijabilitazzjoni ta’ siti sensittivi, bħalma hu l-każ ta’ Wied il-Qlejgħa, l-interventi li jsiru jridu jkunu sostnuti fuq numru ta’ snin b’mod li jirrispettaw l-eżiġenzi staġjonali tas-sit. 

Qalet dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli meta fil-Parlament tat rendikont tax-xogħol li qed isir f’Wied il-Qlejgħa wara mistoqsija li saritilha mid-Deputata Nazzjonalista Bernice Bonello.

Il-Ministru Dalli spjegat li f’dak li jirrigwardja l-parti ta’ fuq ta’ Wied il-Qlejgħa, l-ewwel interventi bdew fis-sena 2019 u x-xogħlijiet tlestew is-sena l-oħra. Il-proġett kien jinvolvi restawr ekoloġiku mifrux fuq tul ta’ madwar żewġ kilometri tal-wied, jiġifieri medda ta’ 35,000 metru kwadru.

Ix-xogħol li sar inkluda t-tneħħija ta’ materjal li nġema’ fil-wied matul is-snin, it-tneħħija ta’ flora u fawna invażivi, ir-ripristinr tal-ħażna tal-ilma wara kull waħda mit-tliet ilqugħ (dams) li għandu l-wied u t-tiswija ta’ ħitan tas-sejjieħ. 

Il-Ministru Dalli spjegat ukoll li l-proġett ħa ħsieb l-element edukattiv, hekk kif fil-wied twaħħlu għadd ta’ pannelli informattivi u ġie rrestawrat is-sit magħruf bħala Fiddien Box li llum jista’ jservi bħala Ċentru Edukattiv. 

Sadanittant, minħabba ċediment li kien hemm fit-triq matul l-ilqugħ prinċipali ta’ Wied il-Qlejgħa, fl-2023, inbdew ukoll xogħlijiet biex din it-triq tinbena mill-ġdid. Dawn ix-xogħlijiet, li qed isiru bis-sehem ta’ Infrastructure Malta, jinvolvu l-bini ta’ struttura intensiva ta’ piles sabiex jankraw it-triq mal-blat u b’hekk din ikollha pedamenti sodi. Dawn ix-xogħlijiet jinsabu fi stadju avvanzat.

Komplessivament, il-proġett ta’ riabilitazzjoni tal-parti ta’ fuq ta’ Wied il-Qlejgħa ġie jiswa €5 miljun, b’kofinanzjament mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew (ERDF).

Imbagħad, mat-tlestija tiegħu, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ffirmaw management agreement mal-għaqda volontarja Nature Trust Malta biex din tissokta bil-manutenzjoni ekoloġika tas-sit.

Dan il-ftehim wassal biex fl-2023 tneħħew 14-il tip ta’ speċi invażivi, inklużi madwar 2,000 pjanta invażiva, 2.5 tunellati ta’ qasab u aktar minn 1,000 eżemplari tal-crayfish. Fis-sit tħawlu wkoll 20 speċi ta’ siġar u arbuxelli indiġeni li jammontaw għal madwar 150 pjanta.

Minbarra l-interventi li saru fil-parti ta’ fuq tal-wied, il-Ministru Dalli qalet ukoll li f’Wied il-Qlejgħa issa se jinbdew xogħlijiet fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Speranza li tinsab ħdejn ir-roundabout ta’ Buqana.

Hawnhekk se jitneħħew ukoll għadd ta’ speċi invażivi, fosthom il-qasab li qed jikkawża għargħar fl-għelieqi tal-madwar u qed iwassal ukoll biex jintilef ħafna ilma.

Se jsiru wkoll interventi meqjusa ta’ tħammil minn wara l-iskontru biex tiżdied il-ħażna tal-ilma, jkun hemm perkolazzjoni akbar ta’ ilma tal-pjan u jiġi evitat għargħar viċin it-taħwil ġdid li se jsir matul il-wied. Dan l-intervent hu stmat li se jlaħħaq il-€1.6 miljun u hu mistenni li jkun lest is-sena d-dieħla.

Ekonomija

Sport