Monday, February 3, 2025

Jiżdied għal erbat ijiem il-Leave Urġenti tal-Familja

Aqra wkoll

Il-familji Maltin u Għawdxin ser ikunu qegħdin igawdu minn żieda fil-Leave Urġenti tal-Familja b’effett mill-4 ta’ April li ġej.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ħabbar li l-Leave Urġenti tal-Familja ser jiżdied għal erbat ijiem minn 15-il siegħa kif inhu fil-preżent. Dawn il-miżuri ser japplikaw ukoll għall-part-timers pro rata.Din hija wegħda elettorali oħra mwettqa minn dan il-Gvern.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul spjega li l-ħaddiema jistgħu jgawdu minn din il-miżura l-ġdida meta jkollhom bżonn ta’ leave urġenti biex jieħdu ħsieb qarib familjari. Huwa semma xi eżempji meta jista’ jintuża dan il-leave urġenti bħal meta ħaddiem ma jkunx jista’ jmur għax-xogħol minħabba li t-tfal ikunu ma jifilħux, jew ħaddiem ikollu bżonn jassisti lill-ġenituri mhux biss f’każ ta’ mard imma anke f’każ li jkollhom bżonn t’għajnuna urġenti għax jinqalgħalhom xi ħaġa fir-residenza tagħhom, anke jekk dawn ma jkunux jgħixu fl-istess dar. Dan il-leave ser igawdu minnu wkoll dawk li għandhom kustodja legali ta’ minuri kif ukoll l-aħwa bejniethom dejjem f’każ t’urġenza.

Is-Segretarju Parlamentari Ellul iddeskriva din iż-żieda bħala waħda li se tagħmel differenza pożittiva f’ħajjet il-familji, u qal li dan il-perjodu ta’ leave huwa saħansitra iżjed minn dak li kien propost fil-manifest elettorali. Huwa spjega li wara diskussjonijiet u qbil mal-imsieħba soċjali, mat-trade unions u mar-rappreżentanti ta’ min iħaddem, ġie deċiż li dan il-leave jitla’ għal erbat ijiem ta’ xogħol ta’ 8 sigħat il-waħda.

Is-Segretarju Parlamentari kompla jispjega li dawn il-ġranet mhux ser jitnaqqsu kollha mil-leave, bl-ewwel 16-il siegħa jitnaqqsu mil-leave iżda l-kumplament jinqatgħu mis-sick leave.

“Meta jkun hemm djalogu soċjali wiesa’ u b’saħħtu jistgħu jinkisbu riżultati li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Irridu nkunu sensibbli għall-eżiġenzi tal-familji. Iż-żieda ta’ dan il-leave se jagħti aktar serħan il-moħħ lill-ħaddiema meta jkollhom bżonn jieħdu ħsieb lill-familja tagħhom. B’serħan il-moħħ, il-ħaddiem ikun jista’ jagħti l-aqwa tiegħu fuq il-post tax-xogħol,” sostna s-Segretarju Parlamentari Ellul.

B’din il-miżura, flimkien ma’ ħafna oħra li daħlu tul dawn l-aħħar snin, se jiġi assigurat li l-ħaddiema u l-familji jsibu dak il-bilanċ li qegħdin ifittxu biex jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol iżda fl-istess waqt jieħdu ħsieb il-familjari tagħhom. Qed inkomplu nżidu mal-katina ta’ miżuri li ngħataw lill-ħaddiema f’dawn l-aħħar snin, fosthom il-leave tal-ġenituri, il-leave tal-paternità, li ġie estiż għall-missirijiet self employed, kif ukoll il-ħamest ijiem carers leave li issa tlieta minnhom huma bi ħlas għall-ħaddiema fis-settur pubbliku.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport